Opinjoni

OPINJONI: Nirrikonoxxu l-kontribut tal-anzjani lejn pajjiżna

Messaġġ minn Roberta Metsola, President tal-Parlament Ewropew fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani

Roberta Metsola
President
tal-Parlament Ewropew

Sur President,
Membri tal-APAN,
Ħbieb
Grazzi tal-istedina tagħkom biex inwassal messaġġ lill-anzjani fl-okkażjoni tal-Jum dedikat lill-anzjani.
Dan il-jum jagħtina l-opportunità li nirrikonoxxu l-kontribut kbir tagħkom lejn pajjiżna. Tul is-snin intom tajtu kontribut qawwi biex dan il-pajjiż jinbena kif nafuh illum, pajjiż modern u Ewropew li jħares ’il quddiem. Poplu li l-ambizzjoni tiegħu hija li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għal kulħadd.
Intom il-ġenerazzjoni li b’ħidma, dedikazzjoni u kuraġġ saħħaħtu l-pedamenti tas-soċjetà tagħna u qed tkomplu tgħaddu l-għerf tagħkom lill-ġenerazzjonijiet iżgħar minnkom. Ħafna minn dak li tgħaddu intom ma jinsab fuq l-ebda websajt, l-ebda ‘social media platform’, u għalhekk il-kuntatt dirett u l-ħin li intom tagħtu lil ħaddieħor għandu valur kbir, imprezzabbli.
L-ispirtu tagħkom irid jibqa’ ta’ ispirazzjoni għalina lkoll. Naqsam magħkom esperjenza li kelli ma’ Eddie Fenech Adami ftit wara li temm il-kariga tiegħu ta’ President ta’ Malta. Kont qed nitkellem miegħu u qalli li ta’ 75 sena jħossu “fiż-żgħożija tal-anzjanità.” Bqajt impressjonata: messaġġ qawwi u b’saħħtu. Iż-żgħożija trid tibqa’ tħeġġeġ fina, hi x’inhi l-età. Il-ħolm taż-żgħożija, l-ambizzjonijiet u x-xewqat m’għandhomx età.
Kull konverżazzjoni li jkolli mal-anzjani hija għalija sors ta’ tagħlim, esperjenzi u aspett ieħor ta’ kif għandha tiġi żviluppata l-politika. Jien nixtieq li nara politika li tiffoka aktar fuq ‘lifelong learning’, inkluż għall-anzjani, li nnaqqsu aktar il-firda diġitali biex l-anzjani jkunu jistgħu jużaw l-għodod diġitali b’faċilità, nixtieq li naraw kif ikun hemm aktar ‘mentoring’ li intom tistgħu tagħmlu mal-ġenerazzjonijiet iżgħar u li dan isir f’ambjent informali, li nagħtu valur aktar lill-volontarjat li intom tagħmlu b’imħabba.
Nixtieq li jkollna servizzi, ambjent, u spazji li jkunu verament aċċessibbli għal kulħadd, mill-missier li qed jinbotta ‘pushchair’, għall-anzjana li trid tqatta’ l-ħin liberu tistrieħ. Bħala politiku Maltija u bħala President tal-Parlament Ewropew, se nkompli nara li l-Parlament dejjem jibqa’ leħen sod u rilevanti favur l-anzjani, fejn tissawwar politika biex l-anzjani jkunu ċittadini attivi u li tħares id-dinjità u d-drittijiet tagħkom.
F’dan il-jum, intenni r-ringrazzjament tiegħi. Grazzi tal-imħabba tagħkom, tax-xogħol tagħkom, u tal-eżempju tagħkom. Grazzi mill-qalb ta’ dak li għamiltu u qed tagħmlu.

Dan il-messaġġ deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 8 ta’ Ottubru, 2025.