Lokali

Silvio Schembri jiżżufjetta bil-kumment ta’ Evarist Bartolo

Waqt il-ftuħ ta’ edizzjoni oħra ta’ Playcon, hekk kif ninsabu ftit tal-jiem biss ‘il bogħod mid-diskors tal-Budget għas-sena 2026 – Net News staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija jekk budget ta’ kwalità imwiegħed fil-budget tas-sena l-oħra ssarrafx fi kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi.

U fit-tweġiba tiegħu, Silvio Schembri ttanta jaħrab mid-domanda billi saħaq li l-iGaming huwa ta’ kwalità. Madanakollu din hija biss niċċa waħda u speċifika li ċertament ma taffettwax lill-maġġorparti tal-familji.

Għaldaqstant staqsejna b’insistenza jekk jaħsibx li għandna kwalità ta’ ħajja aħjar. Bil-Ministru jgħid li għad fadal fejn isir ix-xogħol… u qal li hemm lista twila, skont hu, ta’ attributi fejn il-Gvern wera kwalità matul din is-sena.

Madanakollu fost id-diversi sfidi u problemi li qed jaffaċċja l-poplu qalb it-traffiku, infrastruttura dekadenti, ineffiċjenza, sptar li mhux ilaħħaq maż-żieda fil-popolazzjoni u nuqqas ta’ edukaturi – hemm ukoll il-kriżi tad-drenaġġ fil-baħar.

L-eks Ministru Evarist Bartolo fuq il-midja soċjali fl-aħħar jiem saħaq li l-Bajja ta’ San Ġorg qed issir l-agħar bajja f’pajjiżna minkejja li sal-2013, ċioè fi żmien Gvern Nazzjonalista, kienet fost l-aħjar.

Mistoqsi dwar din il-Ministru Silvio Schembri qal li hu l-Ministru tal-Ekonomija, daqslikieku bajja f’dan l-istat mhux se tkun qed taffettwa l-ekonomija.

Bartolo saħaq li ż-żieda fil-popolazzjoni effettwat il-kwalità tal-baħar għax żdiedet il-kontraminazzjoni tal-E.coli meta jfur id-drenaġġ fil-bajjiet – għal kuntrarju ta’ li qed jgħid il-Gvern ta’ Robert Abela.

Bil-Ministru Schembri jisħaq li fuq l-istqarrija ta’ Bartolo li qed jgħid li dil-bajja se tkun l-agħar waħda…hu ma jaqrax futur.