Sport

Suċċess fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa tat-Taekwondo li sar fil-Latvija

Kontinġent tal-Malta Taekwondo Association immexxi minn Gianluca Barbara ikkompeta b’suċċess fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa tat-Taekwondo li sar f’Riga, fil-Latvija.

Alycia Cassar fil-kategorija Juniors 63 kilo rebħet il-midalja tad-deheb meta fil-finali għelbet lil Haizea Martinez Otermin ta’ Andorra.  Fil-kategorija 46 kilo, Michela Scerri kisbet il-midalja tal-fidda wara li fil-finali tilfet 2 – 0 kontra Tara Sljivancanin tal-Montenegro. Midalja oħra tal-fidda inkisbet minn Jean Schembri li fil-kategoria cadet 41 kilo tilef kontra avversarju mill-Armenja.

Luke Chircop fil-kategorija junior 59 kilo safa’ megħlub 2 – 0 minn avversarju minn San Marino. L- istess tim ikkompeta fir-Riga Open G1 fejn Alycia Cassar wara li fis-semifinali għelbet lil Lisa Vorsch tal-Lussemburgu 2 – 0, fil-finali tilfet kontra Luna Fellinger tal-Germanja biex kisbet il-midalja tal-fidda.

Michela Scerri wara li għelbet lir-rappreżentanta tal-Estonja kisbet il-midalja tal-fidda meta fil-finali tilfet kontra Tara Sljivancanin tal-Montenegro l-istess avversarja li kellha fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar. Jean Schembri u Luke Chircop sfaw eliminati fl-ewwel fażi minn avversarji mid-Danimarka u Litwanja rispettivament.