Lokali Qorti

Tmien snin ħabs wara li sawwat turist Taljan u ħallih b’diżabilità permanenti

Raġel ta’ 43 sena, Mark Dimech, instab ħati u ntbagħat tmien snin ħabs wara li nstab responsabbli li weġġa’ serjament lill-Iżvizzeru Daniele Nardelli, u dan permezz ta’ daqqa ta’ ponn u li ħallieh b’diżabbiltà permanenti.

Il-każ seħħ fit-2 ta’ Awwissu tal-2015 meta Nardelli, li kien qiegħed fuq vaganza f’Malta flimkien ma’ ħabib tiegħu, fejn kien qed iqatta’ l-lejl f’Club Plus One f’Paceville. Filwaqt li kienu qed jiżfnu u jgawdu l-lejl tagħhom, Nardelli xehed li f’daqqa waħda daħlu xi sigurtà u f’dak il-mument Dimech resaq lejh u tah daqqa f’wiċċu.

Nardelli waqa’ mal-art, tilef minn sensih u spiċċa jsofri minn feriti minn imnieħru. Meta waslu l-pulizija fuq il-post, qiesu li kien fis-sakra u telqu mingħajr ma identifikaw min kien attakkah jew staqsewh xi ħaġa. Nardelli sostna li ma kienx xorob xejn peress li lanqas il-ħabib tiegħu ma jixrob.

Aktar tard mar l-emerġenza fejn ġie eżaminat iżda ntbagħat lura d-dar minkejja li kien qed jsofri u u bid-demm ħiereġ. Iżda l-uġigħ tiegħu kompla jmur għall-agħar u reġa’ rritorna l-isptar fejn l-eżamijiet wrew li kellu ksur taħt l-għajn kif ukoll ħsara fis-sinsla u l-mudullun li kien ċaqlaq u kkompressat.

Dan wassal biex tilef is-sensazzjoni f’saqajh u kellu jiġi operat lura f’pajjiżu, bl-ispeċjalisti jindikaw li l-proċedura kienet riskjuża u setgħet tħallih paraliżat. Għalkemm salva, il-konsegwenzi kienu drammatiċi. Illum hu għadu jbati minn diżabbiltà permanenti ta’ 25 fil-mija, inkluż 10 fil-mija li tolqot il-mobilità tiegħu u 17 fil-mija f’idu dominanti li tilfet il-funzjoni u għandha anke sensazzjoni.

Qabel il-każ kien jgħix ħajja attiva, sportiva u anke kien jaħdem bħala mudell, iżda dawn il-ħiliet kollha spiċċaw minħabba l-attakk. Fil-kundanna tiegħu, il-qorti mmexxija mill-Maġistrat Kevan Azzopardi qalet li daqqa waħda bla sens u irresponsabbli bidlet ħajjet Nardelli għal dejjem.

Il-qorti saħqet li ħadd m’għandu jbati diżabbiltà jew telf kbir fil-ħajja tiegħu minħabba l-imġiba irresponsabbli ta’ ħaddieħor. Minbarra s-sentenza ta’ tmien snin ħabs, il-qorti tat ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur Nardelli. L-avukat Giannella Demarco dehret għal vittma.