Lokali Qorti

14-il sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu f’ċirku ta’ traffikar ta’ droga

Rumen ta’ 36 sena, Ion Palade, ġie kkundannat 14-il sena ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta l-involviment tiegħu f’ċirku ta’ traffikar tad-droga, u b’hekk evita li jgħaddi ġuri. Palade ammetta li fit-8 ta’ Marzu li għadda, kif ukoll fil-ġranet u ġimgħat ta’ qabel, kien involut ma’ oħrajn bl-iskop li jittraffikaw droga, li kellu fil-pussess tiegħu kemm kannabis kif ukoll sustanzi oħra, u li kiser sentenzi preċedenti imposti mill-Qrati ta’ Malta.

Il-piena kienet frott ftehim bejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u d-difiża, li ġiet approvata mill-Imħallef Neville Camilleri. Minbarra l-piena ta’ ħabs u l-multa, il-Qorti ordnat lil Palade biex iħallas ukoll €3,394 għall-ħlas tal-esperti li kienu ġew appuntati fil-kors tal-każ.

L-arrest ta’ Palade sar fi blokka ta’ appartamenti f’Tal-Pietà, fejn il-Pulizija sabet madwar 10 kilogrammi ħaxixa tal-kannabis, b’valur fis-suq ta’ madwar €150,000. Fl-istess każ ġew arrestati wkoll tliet Rumeni oħra.

Stelica State ta’ 44 sena, Claudiu Dangeanu ta’ 40 sena u Petronela Chiriac ta’ 34 sena, li l-proċeduri kriminali tagħhom għadhom għaddejjin. Skont il-Pulizija, kienu rċevew informazzjoni li grupp ta’ ċittadini Rumeni kienu involuti fit-traffikar tad-droga f’diversi pajjiżi Ewropej u li Petronela Chiriac kienet diġà f’Malta.

Palade u Dangeanu waslu f’Malta wara u kienu jgħixu fl-istess appartament tagħha, u anke jużaw il-karozza tagħha. Aktar tard wasal ukoll Stelica State, li ġie minn Sqallija bil-karozza. Matul ir-rejd fl-appartament, il-Pulizija sabet erba’ boroż suwed kbar mimlija droga fil-kamra tas-sodda, u fihom kien hemm total ta’ 73 borża iżgħar kollha mimlija kannabis.

Petronela, Stelica u Palade ġew arrestati fl-appartament, filwaqt li Claudiu Dangeanu ġie arrestat minn lukanda fil-Gżira. Il-każ kontra t-tliet akkużati l-oħra għadu pendenti. L-Avukat tal-AĠ Maria Francesca Spiteri mexxiet il-prosekuzzjoni, flimkien mal-ispetturi Alfredo Mangion u John Leigh Howard.