Sport

Atleti Maltin fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Weightlifting fin-Norveġja

Tenishia Thornton, Roberta Tabone u Rylee Borg dan l-aħħar ikkompetew fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Weightlifting li saru f’Forde, fin-Norveġja.

Roberta Tabone u Tenishia Thornton ħadu sehem fil-kategorija ta’ 69kg. Roberta Tabone kienet l-ewwel waħda fl-azzjoni u fetħet b’saħħa fis-snatch, fejn irnexxielha terfa’ serje ta’ 84kg, 86kg, u 88kg.

Fil-clean and jerk, hija rnexxielha terfa’ 109kg iżda falliet fil-112kg. B’total ta’ 197kg, fejn temmet fit-tieni post fil-grupp tagħha.

Tenishia Thornton, li bħalissa qed tirkupra minn injury, ippruvat l-ewwel snatch tagħha b’100kg iżda ma rnexxilhiex u sfortunatament, kellha tirtira mill-kompetizzjoni sforz l-uġigħ.

It-tim jibqa’ ottimist li Thornton tirkupra fil-ħin biex tkun tista’ tikkompeti fil-Kampjonati tal-Ewropa Junior li għandhom isiru tliet ġimgħat oħra.

Rylee Borg fis-snatch, irnexxielu jerfa’ 117kg u 120kg iżda falla l-aħħar tentattiv tiegħu ta’ 123kg. Fil-clean and jerk, irnexxielu jerfa’ 153kg u 156kg iżda ma rnexxilux jerfa’ l-160kg għal total ta’ 276kg fejn temm fil-ħames post fil-grupp tiegħu.

Il-kontinġent kien immexxi minn Jesmond Caruana, President tal-Malta Weightlifting Association. Din il-kompetizzjoni kienet pass importanti għall-atleti Maltin, billi serviet ukoll bħala avveniment ta’ kwalifikazzjoni għal-Logħob tal-Commonwealth li ġejjin.