Futbol Sport

Attendenza ta’ aktar minn 10,000 persuna mistennija f’Ta’Qali għall-partita tal-lejla bejn Malta u l-Olanda

Il-partitarji tas-South End Core li llejla mistennija jkunu numerużi f’Ta’Qali b’appoġġ għat-tim nazzjonali Malti.
Il-partitarji tas-South End Core li llejla mistennija jkunu numerużi f’Ta’Qali b’appoġġ għat-tim nazzjonali Malti.

Għall-partita tal-lejla li Malta se tkun qed tilgħab kontra l-Olanda, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali, mistennija attendenza li tissupera bi ftit l-10,000 persuna.

Net News hu infurmat li preżenti għal din il-logħba mistenni jkun hemm mal-2,000 partitarju Olandiż, li jinkludu dawk li bħalissa qed jaħdmu f’pajjiżna u l-bqija li ġew apposta għal din il-partita.

Dan ifisser li għall-partita tal-lejla mistennija naraw folla sabiħa, b’aktar minn 8,000 partitarju Malti li se jkun qed jagħti l-appoġġ tiegħu lill-iskwadra ta’ Emilio De Leo.

Dan l-ammont jista’ jkompli jiżdied hekk kif Net News jista’ jikkonferma li dawk il-partitarji li għadhom bla biljett, u qed jagħmlu l-ħsieb li jattendu għal din il-logħba, jistgħu jagħmlu dan mingħajr problemi billi jakkwistaw il-biljetti tagħhom permezz tal-websajt tal-Malta Fotball Association, www.mfa.com.mt jew direttament mit-ticket booths tal-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali.