“Il-problema tat-traffiku ħarbitilkom minn taħt idejkom u saret insapportabbli.”
Dan kien wieħed biss minn mijiet ta’ kummenti ta’ kritika minn naħa tan-nies għal dak li qal il-Ministru Chris Bonett f’post fuq il-midja soċjali fejn ħareġ jattakka lill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Sabine Agius Cabourdin – għalkemm fil-verità, in-negattività li prova jiżra, daret fi kritika qawwija indirizzata lejh direttament.
Fil-fatt, jidher biċ-ċar mill-kummenti taħt din l-istess post, li dak li tenna l-Ministru, ma niżel tajjeb xejn mal-pubbliku – fejn bosta individwi sostnew li ż-żieda fil-popolazzjoni u l-mudell ekonomiku huma l-akbar ħtija għall-kriżi li qed naraw fit-toroq tagħna.
Raġel partikolari elenka saħansitra piżijiet li jkollu jesperjenza kull individwu meta jeħel fit-traffiku hu u sejjer għax-xogħol; fosthom il-ħela ta’ fjuwil, l-għajja fuq is-saħħa mentali sakemm wieħed jasal ix-xogħol, il-ħin li jkollu jagħmel ix-xogħol biex ipatti għall-ħin li jkun li ħela fit-traffiku, id-dħaħen fl-arja, u għexieren ta’ riperkussjonijiet oħrajn.
Persuna oħra tenniet li lanqas it-trasport pubbliku mhu jlaħħaq mad-domanda. Filwaqt li xi ħadd saħansitra propona li waħda mis-soluzzjonijiet għandha tkun dik ta’ remote-working b’inċentivi anke għall-employer.
Kumment ieħor irrimarka li jekk il-Ministru jaħseb li tista’ tippjana fi xħin se tasal fid-destinazzjoni tiegħek, ma tkunx realistiku. “Nazzarda ngħid li hija kważi offensiva għalina li nagħmlu siegħa u għoxrin minuta għal vjagg li sa ftit snin ilu kien jieħu 15-20 minuta”, kiteb dan l-individwu fuq Facebook.
Apparti minn hekk, ħafna appellaw għal azzjoni immedjata u f’qasir żmien. Propju għaliex il-Gvern baqa’ ma indirizzax il-kriżi tat-traffiku u l-problema ta’ konġestjoni kontinwa fit-toroq tagħna.
//= $special ?>