Caritas Malta se tkun qed tniedi ktieb ġdid bl-isem ta’ “Inħobbkom”, b’tifkira tal-fundatur ta’ Caritas Malta, Monsinjur Victor Grech.
Dan il-ktieb li se jkun qiegħed jitnieda nhar is-Sibt 18 t’Ottubru, fih 350 paġna u huwa mqassam f’sezzjonijiet differenti. L-itwal sezzjoni f’dan il-ktieb hija dik b’kitbiet ta’ persuni li għexu ħafna qrib tiegħu, fosthom staff tal-Caritas, voluntieri li ħadmu miegħu fil-bidu tal-Caritas, li wħud minnhom għadhom jagħtu sehemhom sal-lum, u residenti u eks residenti ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni.
“Inħobbkom”, jinkludi wkoll sezzjoni ta’ aktar minn 60 paġna b’ritratti minn ħajtu, mit-twelid sal-mewt tiegħu, uħud minnhom li qatt ma dehru qabel. Il-ktieb jikkkonsisti wkoll intervista ma’ Monsinjur Grech mill-editur tal-ktieb Joe Cassar li qatt ma kienet pubblikata qabel. Din hi fil-fatt l-aħħar intervista li Dun Victor ta lil xi membru tal-midja lokali qabel saħħtu bdiet tmur lura minħabba l-età tiegħu.
L-editur Joe Cassar jgħid li din il-pubblikazzjoni kienet xewqa kbira ta’ Monsinjur Grech innifsu u fil-fatt staqsa dwar dan il-ktieb minn fuq is-sodda tal-mewt tiegħu proprju jumejn qabel miet fil-5 ta’ Frar li għadda. Jistqarr ukoll li t-titlu tal-ktieb kien kważi awtomatiku għax l-aktar kelma li kienet toħroġ minn qalb Dun Victor quddiem ir-residenti ta’ San Blas u persuni oħra li jkollu quddiemu kienet proprju: “Inħobbkom, inħobbkom ħafna.”
Wieħed jista’ jakkwista dan il-ktieb billi jżur is-sit ta’ Caritas Malta.
