Diversi Palestinjani ċċelebraw fit-toroq ta’ Khan Younis, f’Gaza, filwaqt li qraba tal-ostaġġi Iżraeljani dehru jiċċelebraw fit-toroq ta’ Tel Aviv, hekk kif kien imħabbar il-ftehim ta’ paċi wara diskussjonijiet intensivi fl-Eġittu.
Rapporti ta’ diversi networks tal-aħbarijiet iffukaw fuq l-entużjażmu kbir fit-toroq ta’ Gaza hekk kif gruppi ta’ żgħażagħ, nisa u rġiel, kif ukoll ftit tfal, dehru jiċċelebraw il-waqfien imminenti tal-bumbardamenti. Ħafna dehru jċapċpu, jiżfnu u jibku fil-ferħ.
L-istess entużjażmu deher f’Iżrael, fost tgħanniq u biki ta’ ferħ mill-qraba tal-ostaġġi Iżraeljani. Saħansitra kien hemm minn fetaħ ix-xampanja, filwaqt li bdew ixejru l-bandiera Iżraeljana.
Dan il-qbil li kien imħabbar minn Trump, jikkonsisti fil-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani u l-priġunieri Palestinjani, l-irtirar tat-truppi Iżraeljani, kif ukoll li tidħol l-għajnuna umanitarja f’Gaza.
Minkejja li għad hemm dettalji kruċjali biex dan il-ftehim jidħol tassew fis-seħħ, il-mexxejja dinjija laqgħu dan il-ftehim bħala wieħed li jagħti tama ta’ paċi dejjiema wara kunflitt li ilu għaddej mill-2023.
//= $special ?>