Malta se tkun qed tilgħab is-sitt partita tagħha fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2026, illejla fid-8:45pm kontra l-qawwa tal-Olanda, f’Ta’Qali. M’hemmx dubju li din se tkun logħba bil-wisq diffiċli għall-plejers tagħna, u l-istorja tal-partiti preċidenti bejn Malta u l-Olanda matul iż-żmien, sa mil-ewwel darba li lagħbna kontra xulxin, f’Diċembru tal-1982, kważi dejjem ratna nitilfu b’skor kbir.
Sal-lum Malta u l-Olanda affrontaw lil xulxin seba’ darbiet, u taqta’ barra konfront minnhom, dak li kien intlagħab f’Rotterdam, f’Marzu tal-1991, meta konna ġarrabna telfa minima ta’ 1-0, il-bqija tal-konfronti l-oħra dejjem intemmu b’riżultat deludenti għat-tim nazzjonali ta’ pajjiżna.
Fil-partita ta’ kważi 35 sena, il-Maltin, dak in-nhar taħt it-tmexxija tal-kowċ Ġermaniż, Horst Heese, kienu taw wirja mill-aqwa u kontra l-pronostiku ta’ bosta, l-Olanda kienu tħabtu biex kisbu rebħa f’dahrom meta fil-ġurnata kienu sabu lill-gowlkiper internazzjonali Malti ta’ dak iż-żmien, Reggie Cini fl-aqwa vena u s-saves tiegħu f’dik il-partita kienu ċaħdu lill-Olanda mit-tip ta’ rebħa li stennew li kienu se jiksbu fuq Malta. Fil-fatt il-gowl li dak in-nhar l-Olandiżi rebħu biħ kien wasal minn penalty, skorjat wara ftit aktar minn nofs siegħa logħob, minn penalty mogħti minn Marco van Basten.
Pero s-sitt konfronti l-oħra li lagħbna sal-lum kontra l-Olanda, ma tantx kellhom tmiem sabiħ. F’seba’ partiti, Malta qatt ma rrnexxilha tiskorja gowl, tlifna dejjem u qlajna xejn inqas minn 36 gowl; medja ta’ ħames gowls għal kull logħba li lagħbna kontra l-Olanda sal-lum.
Hu fatt li kull darba li l-Olanda ġew sabiex jilgħabu kontra Malta, dawn dejjem żammew baqgħu żżommu f’moħħhom il-logħba ta’ nhar il-21 ta’ Diċembru 1983, meta f’Sevilla, Malta kienet tilfet 12-1 kontra Spanja. Dak in-nhar it-tim nazzjonali Malti kien soffra umiljazzjoni kbira u hemm diversi aneddoti ta’ Maltin li kellhom x’jaqsmu direttament ma’ dik il-logħba, li taw il-ħsibijiet u l-ispjegazzjonijiet tagħhom ta’ x’seta’ ġara dak in-nhar biex Malta tilfet b’dak l-iskor tant kbir, li sal-lum jibqa’ l-agħar riżultat tat-tim nazzjonali Malti, f’storja ta’ aktar minn 68 sena.
Ir-rebħa Spanjola ta’ 12-1 kontra Malta kienet fisret li Spanja tavvanza għall-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej, filwaqt li l-Olanda tibqa’ barra minn fost il-pajjiżi finalisti. Minħabba f’hekk, mingħajr tlaqliq, wieħed jista’ jgħid li l-Olanda qatt ma ħafruha lil Malta u kull darba li lagħbu kontra tagħna raw kif jiksbu tpattija sportiva minn fuqna, b’rebħiet kbar.
Nittamaw li dan ma jkunx il-każ illejla, u anke jekk żgur għandhom l-intenzzjoni li jerġgħu jagħmlu dan, f’Ta’Qali l-plejers ta’ Emilio De Leo, din id-darba jagħtu prova u konferma tal-progress li sar fil-futbol Malti u mit-tim nazzjonali.
Fil-fatt taqta’ barra l-partita li lagħbna f’Ġunju li għadda kontra l-Olanda, il-bqija tal-partiti l-oħra li lagħbna f’dan il-grupp, kollha urew it-titjib ta’ Malta. Hu fatt li fl-ewwel logħba tal-grupp kontra l-Finlandja, minkejja t-telfa ta’ 1-0 f’Ta’Qali, dak in-nhar, mhux biss kien jimmeritana riżultat ta’ draw, iżda possibilment anke rebħa, f’dik li kienet l-ewwel logħba ta’ De Leo bħala kowċ nazzjonali.
Kontra l-Polonja tlifna 2-0 barra minn xtutna, filwaqt li fiż-żewġ partiti li lagħbna kontra l-Litwanja, fid-darbtejn temmejna draw, iżda fl-aħħar logħba tagħna, dik li lagħbna f’Kaunas, Malta kienet misruqa minn rebħa meta konna qed nirbħu 1-0 u wara d-90 minuta, r-referee ta penalty kontrversjali lill-avversarji li permezz tiegħu skorjaw il-gowl tad-draw.
Fl-aħħar partita, għalkemm kienet logħba ta’ ħbiberija, Malta kompliet turi l-progress li qed tagħmel logħba wara l-oħra, u kontra San Marino, ksibna rebħa ta’ 3-1 f’Ta’Qali.
Għal-logħba tal-lejla, kowċ De Leo se jkollu għad-dispożżizzjoni tiegħu lil Ilyas Chouaref u Irvin Cardona, żewġ plejers li jilgħabu f’Kampjonati ta’ livell u bil-wisq aktar għola mill-Malta Premier. Dawn it-tnejn ma kienux fl-iskwadra Maltija fl-aħħar partita ta’ Ġunju li għadda kontra l-Olanda meta tlifna 8-0.
Flimkien magħhom jingħaqdu plejers oħra li humma bbażati barra minn Malta. Dawn jinkludu, il-captain Matthew Guillaumier, il-winger offensiv, Jodi Jones u l-midfielder ta’ esperjenza kbira, meqjus fost l-aqwa elementi li għandu t-tim Malti fl-iskwadra, Teddy Teuma.
Dawn kollha mistennija jkunu inklużi fil-formazzjoni inizjali ta’ De Leo, hekk kif Malta se jkollha żewġ plejers sospiżi għall-konfront tal-lejla minħabba sospensjoni. Dawn huma Zach Muscat li jilgħab fit-tieni diviżjoni Portugiża u Paul Mbong li dan l-istaġun qed jilgħab fl-għola diviżjoni Serba.
Plejer ieħor li se jkun assenti għaliex għadu ma rkuprax minn injury hu d-difensur ta’ James Carragher li jilgħab ma’ Wigan Athletic, f’League One tal-Ingilterra.
Għaldaqstant, mil-plejers disponibbli fit-tim Malti sa minn qabel din il-logħba, kulħadd hu disponibbli biex jilgħab kontra l-Olanda llejla. Fuq nota pożittiva, u li għandha tnissel interess, din se tkun l-ewwel darba, li l-plejers li għandhom valur fis-suq li jissupera ż-żewġ miljun ewro u aktar, bħal Chouaref, Teuma u Cardona, flimkien ma’ uċuħ oħra bħal Jones, Guillaumier u Alex Satariano, se jkunu qed jilgħabu flimkien fl-istess tim ta’ Malta għall-ewwel darba. It-tama hi li l-presenza ta’ dawn il-plejers ta’ kalibru, flimkien ma’ oħrajn, ikunu ta’ reżistenza aktar b’saħħitha mis-soltu sabiex l-Olanda tipprova tirbaħ b’skor kbir kontra Malta.
Forza Malta dejjem!
//= $special ?>