Lokali Qorti

Erba’ Albaniżi jammettu li wettqu ferita gravi fuq persuna

Erba’ Albaniżi, tlieta residenti San Pawl il-Baħar u ieħor Għawdex ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammettew quddiem il-Maġistrat Ann Marie Thake li mingħajr il-ħsieb li joqtlu jew li jqiegħdu l-ħajja fil-periklu ta’ persuna huma kkaġunalu ferita gravi waqt ġlieda li seħħet f’San Pawl il-Baħar.

Lenez Gjordumi ta’ 34 sena, Erment Kociu u Ledio Qordija, t-tnejn ta’ 30 sena – kollha residenti San Pawl il-Baħar flimkien ma’ Qamil Cela ta’ 30 sena, residenti r-Rabat Għawdex ammettew li fis-27 ta’ Lulju li għadda bejn in-12.30am. u l-4am. aggredew u ħebbew għall-vittma.

Huma ammettew ukoll li kisru l-ordni u l-paċi pubblika filwaqt li Ledio Qordija ammetta wkoll li kellu fil-pusses tiegħu arma tan-nar mingħajr liċenzja, bil-Qorti timponi sospensjoni ta’ ħames snin fil-konfront tiegħu milli jkollu liċenzja ta’ xi arma. Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Għall-akkużati deher l-Avukat Alfred Abela filwaqt li l-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Sarah Magri mexxew il-prosekuzzjoni.