Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

Il-MPE jirrifjutaw żewġ mozzjonijiet ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni Ewropea

 F’żewġ votazzjonijiet separati l-Ħamis, il-Parlament irrifjuta żewġ mozzjonijiet ta’ ċensura kontra l-Kummissjoni Ewropea.

Fl-ewwel mozzjoni, imressqa mill-grupp Patrijotti għall-Ewropa, ġiet miċħuda b’179 vot favur, 378 kontra u 37 astensjoni.

It-tieni mozzjoni, mill-grupp The Left, ġiet miċħuda b’133 vot favur, 383 kontra u 78 astensjoni.

Il-votazzjonijiet kienu ippreċeduti minn dibattitu fil-plenarja mal-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen li sar it-Tnejn 6 ta’ Ottubru.

Skont ir-Regoli mozzjoni ta’ ċensura fir-rigward tal-Kummissjoni tista’ tiġi ppreżentata lill-President minn wieħed minn għaxra tal-membri komponenti tal-Parlament, jiġifieri attwalment 72 Membru tal-PE. Il-votazzjoni trid issir b’appell nominali u tirrikjedi li tiġi adottata b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li jirrappreżentaw maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament.