Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-waqfien mill-ġlied f’Gaza u jappoġġja r-rwol ta’ Malta fl-isforzi ta’ paċi u rikostruzzjoni

GAZA

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza, il-ħelsien tal-ostaġġi u l-priġunieri. Ftehim li jista’ jwassal għal paċi dejjiema fir-reġjun.

L-Oppożizzjoni tesprimi l-appoġġ sħiħ tagħha għal kull inizjattiva li tista’ tittieħed mill-Istat Malti u li tista’ twassal għal paċi fit-tul, stabbiltà u rikonċiljazzjoni bejn l-Istati ta’ Iżreael u l-Palestina. Malta, bħala nazzjon newtrali, jibqa’ jkollha rwol sinifikanti fi ħdan l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti biex timbotta d-djalogu u l-bini mill-ġdid tal-fiduċja bejn iż-żewġ naħat.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-impenn tiegħu favur l-għajnuna umanitarja u r-rikostruzzjoni ta’ Gaza, biex ikun assigurat li l-għajnuna tasal għand iċ-ċittadini fil-bżonn u tgħin fil-bini mill-gdid tal-infrastruttura essenzjali f’Gaza.

Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami u s-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea, qalu li l-PN jingħaqad mal-komunità internazzjonali fl-appell tiegħu biex il-partijiet kollha jonoraw l-impenn tagħhom u jaħdmu lejn paċi ġusta u dejjiema mibnija fuq rispett reċiproku u d-dinjità umana.

F’messaġġ fuq X, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ukoll laqa’ l-ftehim li ntlaħaq għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza u għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani kollha u numru ta’ priġunieri Palestinjani. Huwa tenna l-appoġġ tiegħu u tal-PN għal kull inizjattiva li Malta tista’ tieħu biex tikkontribwixxi fl-isforzi internazzjonali għal paċi dejjiema fir-reġjun.