Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Victor Ragonesi li miet il-Ħamis fl-età ta’ 101 sena u jibgħat il-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
Victor Ragonesi huwa Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista li serva bħala kelliem uffiċjali u assistent personali tal-Prim Ministru u Kap tal-PN Ġorġ Borg Olivier wara l-elezzjoni ġenerali tal-1962.
Ragonesi kien bniedem ta’ stoffa, determinat u ma jaqta’ qalbu minn xejn. Jibqa’ mfakkar għas-sehem importanti tiegħu fin-negozjati li wasslu biex Malta tikseb l-Indipendenza fl-1964. Ragonesi kien il-persuna fdata mill-PM Borg Olivier biex imexxi t-taħditiet mal-Ingliżi li eventwalment wasslu biex Malta saret Indipendenti. Is-sehem tiegħu biex Malta kisbet l-Indipendenza taħt Ġorġ Borg Olivier kien kruċjali – tant li ħa sehem fil-laqgħat kollha tad-delegazzjonijiet tal-PN kemm f’Malta u anke barra li saru bejn l-1955 u l-1962.
Imwieled fis-7 ta’ Settembru tal-1924 fil-Belt Valletta, Victor Ragonesi ħadem ukoll mill-qrib ma’ kapijiet oħra tal-Partit Nazzjonalista – Nerik Mizzi u Ugo Mifsud.
Qabel l-elezzjoni ġenerali tal-1947, l-ewwel waħda ta’ wara l-Gwerra, Victor Ragonesi kien imur regolarment fl-uffiċċju ta’ Ġorġ Borg Olivier, li dak iż-żmien kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, fi Triq Żakkarija l-Belt Valletta fejn kienet tiġi koordinata l-ħidma tal-PN. Victor Ragonesi kien jagħti kontribut importanti għall-gazzetti tal-PN, il-Patria u wara Il-Poplu.
L-Avukat Ragonesi kien laħaq Segretarju Ġenerali tal-PN fl-1954 fi żmien meta Mintoff kien ħareġ bil-pjan tal-integration li l-Partit Nazzjonalista kien oppona b’saħħa. Serva f’din il-kariga sal-1962, u wara l-elezzjoni ġenerali ta’ dik is-sena mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista fuq il-wegħda tal-Indipendenza fi ħdan il-Commonwealth – elezzjoni li Ragonesi kien anke kkontesta. Wara l-elezzjoni tal-1962 kien irriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista meta ngħata l-kariga ta’ Segretarju għar-Relazzjonijiet Pubbiċi tal-Gvern. Hu pparteċipa fin-negozjati kollha tal-gvern f’Londra fil-mixja lejn il-kisba tal-Indipendenza, waqt li aktar tard ħadem ukoll mal-Professur JJ Cremona fuq it-tfassil tal-ewwel Kostituzzjoni ta’ Malta bħala stat sovran.
Victor Ragonesi għamel 30 senaa jaħdem mill-qrib ta’ Ġorġ Borg Olivier. F’kitba tiegħu fisser lil Ġorġ Borg Olivier bħala ġenwin u ta’ prinċipji, diplomatiku, onest u determinat, ta’ karattru sod u bniedem ta’ paċenzja kbira. Itenni li lil Borg Olivier l-Ingliżi kienu jsibuħ bħala The Fox, minħabba l-ħażen u d-diplomazija tiegħu.
Victor Ragonesi kien miżżewweġ lil Maria Concetta u kellhom erbat itfal.
//= $special ?>