Futbol Sport

Il-President ta’ Qala Saints u membru mill-istaff tekniku ta’ Nadur Youngsters sospiżi għal sena

Gozo Stadium
Gozo Stadium

Il-Kummissarju tad-Dixxiplina tal-Gozo Football Association, ħabbar li l-President ta’ Qala Saints, Noel Mizzi u membru mil-istaff tekniku ta’ Nadur Youngsters, Paul Azzopardi, weħlu sena sospensjoni. Din id-deċiżjoni kienet qed tittieħed wara li Qala Saints u Nadur Youngsters lagħbu kontra xulxin nhar il-Ħadd li għadda, bil-partita tintrebaħ 1-0 minn Nadur Youngsters.

Mizzi, li hu wkoll il-Viċi Sindku tal-Qala, u Azzopardi spiċċaw f’argument bejniethom, wara li fit-73 minuta r-referee tal-partita, Fyodor Zammit, kien għadu kemm keċċa lil Joseph Xerri ta’ Nadur Youngsters.

Minn informazzjoni li għandu Net News, jirriżulta li li meta Xerri, akkumpanjat minn Azzopardi bdew mexjin lejn id-dressing room, dawn għaddew minn quddiem il-bankina ta’ Qala Saints. Kien f’dan il-mument li qed jiġi allegat li kienu mgħoddja kummenti razzisti fil-konfront ta’ Xerri, b’konsegwenza li nqala’ argument sħiħ, fosthom bejn Mizzi u Azzopardi.

Wara l-partita, permezz tal-paġna tagħhom fuq Facebook, Nadur Youngsters ħarġu jikkundannaw kull forma ta’ razzismu u diskriminazzjoni, wara li skont dak li kiteb l-istess klabb, in-numru għaxra tagħhom, Joseph Xerri, spiċċa vittma ta’ dan mill-bankina ta’ Qala Saints.

Mizzi u Azzopardi weħlu sospensjoni mill-GFA sas-6 t’a Ottubru 2026, filwaqt li l-plejer, Xerri weħel sospensjoni ta’ partita waħda.