Lokali

“Irridu nimxu lejn turiżmu ta’ kwalità għall-ġid tal-pajjiż” – Il-Kap tal-PN Alex Borg f’laqgħa mal-Malta Employers

It-tisħiħ tas-settur marittimu, turiżmu ta’ kwalità, il-kriżi tal-propjetà, spiża kapitali għaqlija, il-kwistjoni tal-VAT fis-settur tal-catering, il-viżjoni fit-tul u logistics hub ċentrali.

Dawn kienu wħud mis-suġġetti li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg ddiskuta matul laqgħa li kellu l-Ħamis waranofsinhar mal-Malta Employers li ppreżentaw id-dokument ta’ qabel il-budget lill-Partit Nazzjonalista.

Matul din il-laqgħa Alex Borg saħaq fuq il-bżonn li jiġu ndirizzati l-prezzijiet tal-propjetà u dan jista’ jsir billi fost l-oħrajn ninċentivaw li flok jixtru appartamenti ġodda jixtru postijiet li inżammu vakanti għal snin – u jkunu immodernizzati.

Apparti minn hekk, huwa qal ukoll li se jkompli jimbotta l-proposta tal-Partit Nazzjonalista li l-VAT fil-catering tinżel għal 7% minflok 18%.

Alex Borg spjega li b’din il-proposta s-settur tal-privat ikun jista’ jinvesti fil-kwalità. Dan filwaqt li saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jimxi lejn turiżmu ta’ kwalità flok tal-kwantità.

Minn naħa tagħha, l-Malta Employers spjegat li t-trasformazzjoni tibda mill-edukazzjoni u l-ħiliet. Dan apparti li saħqet fuq il-bżonn li ssir diskussjoni qabel ma jsiru ċertu wegħdiet fil-pubbliku.

Apparti minn hekk, ipproponiet ukoll li jsir studju ta’ carrying capacity b’rabta mat-turiżmu, kif qed tiġi utilizzata l-art f’pajjiżna u l-piż li qed tesperjenza l-infrastruttura – għaliex dawn id-diffikultajiet qed iħallu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja.

F’kummenti ma’ Net News il-President tal-Malta Employers Ivan Refalo rrimarka b’sodisfazzjon fuq il-fatt li l-proposti tal-assoċjazzjoni huma simili ta’ dawk li qed jisħaq fuqhom il-Partit Nazzjonalista.

Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Adrian Delia, Ivan Castillo u Jerome Caruana Cilia.