Internazzjonali

L-ebda tmiem għall-kriżi politika….bi Franza tistenna l-Prim Ministru l-ġdid

Il-futur tal-Gvern Franċiż għadu s’issa dubjuż u meta l-poplu Franċiż għadu qed jistenna l-konferma ta’ Prim Ministru ġdid….Dan fost l-aħbar li l-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed iħejji biex iħabbar il-Prim Ministru ġdid fi żmien 48 siegħa u meta – almenu għalissa –  tidher li qed tonqos il-probabbiltà ta’ elezzjonijiet ġenerali bikrija.

Sébastien Lecornu, li qed jispiċċa minn Prim Ministru wara li kkonferma r-riżenja nhar it-Tnejn, kellu fażi oħra ta’ taħditiet mal-partiti politiċi f’Pariġi u issa tenna li l-maġġoranza tad-deputati fil-Parlament ma jridux li Franza tgħaddi minn proċess elettorali ieħor qabel iż-żmien.

Dan meta l-President Macron talab lil Lecornu biex jibqa’ ‘għal ftit żmien ieħor’ bil-għan li jintlaħaq konsensus bejn il-partiti dwar kif  għandhom isibu triq ‘il barra mill-kriżi politika attwali.

Fl-istess ħin, Lecornu, eks-Ministru tal-Qawwiet Armati, ma indikax min jista’ ikun Prim Ministru ta’ Franza ‘il quddiem. U għalkemm hu insista li spiċċa żmienu f’dan ir-rwol, l-osservaturi ma jeskludux li l-istess Lecornu jista’ anki jagħmel U-turn minġabba s-sitwazzjoni finanzjarja serja tal-Istat.

Id-deputati Franċiżi, aktar kulma jmur, qed jirrikonoxxu l-ħtieġa urġenti li jgħaddi l-baġit tal-pajjiż sal-aħħar tas-sena. Madankollu xorta fadal il-kumplikazzjonijiet li qed itellfu l-formazzjoni ta’ Gvern  minħabba d-divisions fil-Parlament u l-fatt li d-deputti diġà tefgħu għajnejhom fuq l-elezzjoni Presidenzjali li jmiss.

Fil-fatt, Lecornu, alleat kbir ta’ Macron, kien iddeċieda biex iwarrab minn Prim Ministru minħabba d-diżgwid fil-Parlament li jinsab maqsum bejn il-kampijiet b’ideoloġiji opposti għal ta’ xulxin.

Dan ukoll meta l-ebda Partit ma għandu l-maġġoranza fil-Parlament mindu l-President Macron, is-sena l-oħra, sejjaħ elezzjonijiet ġenerali bikrija b’reazzjoni għar-riżultati diżatrużi miksuba mill-kandidati appoġġjati minnu waqt l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.