“Qed nipprova nifhem kif Malta, pajjiż li jiftaħar li huwa paladin tad-demokrazija, tas-saltna tad-dritt, tal-libertà tal-kelma, u tad-drittijiet ċivili, jappoġġja awtokratu bħalma hu Donald Trump.”
Hekk iddikjara fuq Facebook l-eks editur ta’ One News Sandro Mangion li reġa’ ħareġ qatta’ bla ħabel kontra deċiżjoni oħra li ħa l-Gvern ta’ Robert Abela fl-aħħar sigħat. Dan hekk kif Ian Borg, bħala Deputat Prim Ministru, innomina lil Donald Trump għall-Premju Nobel tal-Paċi.
Sandro Mangion qal li Trump hu l-istess bniedem li ffaċilita u inkoraġġixxa l-ġenoċidju tal-Palestinjani – u l-istess President li qal li l-paċi fl-Ukrajna jridha sseħħ billi jiġi ppremjat l-aggressur.
Dan huwa dak li kiteb Sandro Mangion fuq il-mezzi soċjali:
Qed nipprova nifhem kif tista’ Malta, pajjiż li għadu kif irrikonoxxa l-Istat tal-Palestina, li dejjem jistqarr li hu favur soluzzjoni msejsa fuq l-eżistenza ta’ żewġ Stati, li jikkundanna bil-qawwa l-ġenoċidju li għaddej f’Gaża, u li jikkundanna wkoll bis-saħħa l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, jipproponi għall-Premju Nobel għall-Paċi lill-istess bniedem li ffaċilita u inkoraġġixxa l-ġenoċidju tal-Palestinjani bl-appoġġ inkundizzjonat tiegħu lil Iżrael u bi provvista ma taqta’ xejn ta’ armanenti lil Netanyahu. L-istess bniedem li l-paċi fl-Ukrajna jridha sseħħ billi jiġi ppremjat l-aggressur u jċedi l-aggredit…
Qed nipprova nifhem kif tista’ Malta, pajjiż immexxi minn partit li jistqarr li hu soċjalista u xellugi, jappoġġja u jilgħaq b’dan il-mod apert lil politiku faxxist li ddikjara lix-xellug f’pajjiżu bħala “l-għadu minn ġewwa”? Li qed jibgħat lill-forzi tal-ordni u lis-suldati biex jaħtfu, isawtu, u jitfgħu f’kampijiet lil ħaddiema u nies li ma jaqblux miegħu politikament u/jew jappoġġjaw lill-Partit Demokratiku, li fl-Istati Uniti għandu pożizzjonijiet politiċi simili għal dawk tal-Partit Laburista Malti meta mqabblin mal-avversarji politiċi “konservattivi” tagħhom…
Qed nipprova nifhem kif Malta, pajjiż li jiftaħar li huwa paladin tad-demokrazija, tas-saltna tad-dritt, tal-libertà tal-kelma, u tad-drittijiet ċivili, jappoġġja awtokratu bħal dan li qed iżarma d-demokrazija, jaħtaf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżu, jagħlaq ħalq l-istampa ħielsa, u jħaddem bla ħniena politika ta’ konfront u mibgħeda li tista’ twassal għal gwerra ċivili, filwaqt li jippersegwita lill-minoranzi u jeskludihom mis-soċjetà…
Qed nipprova nifhem biex qed jheddidna, jew x’qed iwegħidna, Trump biex wasalna s’hawn…
//= $special ?>