Lokali Qorti

Ma saret l-ebda applikazzjoni uffiċjali lill-Awtorità tal-IVF fil-każ ta’ Erin Tanti

Il-Qorti semgħet kif qatt ma ġiet sottomessa applikazzjoni uffiċjali lill-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni (APE) biex Erin Tanti – li qed iservi sentenza ta’ 20 sena ħabs għall-qtil ta’ Lisa Maria Zahra – u l-partner tiegħu Marisa Gallo, ikollhom wild permezz ta’ Fertilizzazzjoni In Vitro (IVF).

Erin Tanti, Marisa Gallo u Josie Muscat, sid l-Isptar St James, qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali akkużati li wettqu prokreazzjoni medika assistita mingħajr awtorizzazzjoni, wara li Gallo ħarġet tqila waqt li Tanti kien għadu l-ħabs. It-tlieta qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi ta’ trasferiment ta’ ċelloli mingħajr il-permess meħtieġ.

Il-Kap Eżekuttiv tal-APE, Simone Attard, xehdet fil-Qorti u spjegat ir-rwol tal-Awtorità bħala l-unika regolatur tat-teknoloġiji ta’ riproduzzjoni assistita f’Malta. Hija saħqet li għal xi ħadd ikun eliġibbli għal trattament bħal IVF jew inseminazzjoni intrauterina (IUI), trid tkun teżisti problema ta’ infertilità u wieħed irid ikun ilu jipprova jkollu tarbija għal mill-inqas 12-il xahar. Kull pass fil-proċess irid ikun awtorizzat mill-Awtorità u kull klinika jew sptar li jipprovdi dawn is-servizzi għandu obbligu li jżomm reġistru dettaljat.

Attard qalet li Marisa Gallo qatt ma kienet irreġistrata bħala persuna li kellha tirċievi trattament, u lanqas qatt ma saret talba uffiċjali biex tingħata awtorizzazzjoni għall-IVF jew IUI. L-unika kuntatt magħhom kien permezz ta’ email ġenerika li bagħtet Gallo fejn staqsiet dwar il-legalità tal-proċeduri meta l-partner ikun il-ħabs, u talbet informazzjoni dettaljata dwar IVF f’dak il-kuntest.

Wara li l-bord tal-awtorità rreferi l-każ lil Simone Attard, ġiet organizzata laqgħa magħha fis-27 ta’ Ġunju 2024 biex jinġabru aktar informazzjoni. F’dik il-laqgħa, Gallo ngħatat informazzjoni dwar il-protokolli legali u mediċi, inkluż il-fatt li wieħed għandu jkollu relazzjoni sesswali mhux protetta qabel ma jista’ jaċċessa trattament bħal dan. Kien spjegat ukoll li hemm rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-benesseri tat-tfal li jitwieldu minn dawn il-proċeduri.

Attard spjegat li Gallo kienet informata li ma kinitx eliġibbli għall-IVF għax ma kien hemm l-ebda raġuni medika valida. Anke jekk kienet teżisti, kienet ikollha tgħaddi minn valutazzjoni sħiħa. Din l-informazzjoni ġiet ikkonfermata wkoll f’korrispondenza elettronika uffiċjali mibgħuta lil Gallo f’Settembru tas-sena li għaddiet.

Attard temmet ix-xhieda tagħha billi kkonfermat li Josie Muscat applika għal awtorizzazzjoni għal 659 każ ta’ IVF u 26 każ ta’ IUI matul is-snin.

Qabel ix-xhieda tagħha, il-Qorti semgħet ukoll argumenti mill-avukati tad-difiża kontra talba mill-familja Zahra biex tiġi ammessa fil-proċeduri bħala parti mweġġgħa. Il-Qorti mistennija tiddeċiedi dwar din it-talba meta jkun il-waqt.

Il-kawża qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana. L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Jason Azzopardi, Joseph Bugeja u Nicolai Bugeja qed jassistu lil Josie Muscat, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb qed jiddefendu lil Erin Tanti u Marisa Gallo.