Internazzjonali

Macron se jinnomina Prim Ministru Franċiż ġdid fi żmien 48 siegħa

Il-President Franċiż Emmanuel Macron se jinnomina Prim Ministru ġdid fi żmien 48 siegħa.

Dan kien imħabbar mill-Palazz tal-Elysee u twarrbu l-ispekulazzjonijiet dwar elezzjoni bikrija.

“Fil-Parlament teżisti maġġoranza u hija din il-maġġoranza li ma tixtieqx elezzjonijiet ġodda”, qal Macron.

Propju t-Tnejn 6 ta’ Ottubru l-eks Prim Ministru Sebastien Lecornu, li huwa allejat ta’ Macron, kien it-tielet Prim Ministru Franċiż li tefa’ r-riżenja f’inqas minn sena. Dan seħħ minħabba li l-Parlament kien wisq maqsum f’dak li huma kunċetti ideoloġiċi.

Macron talbu jibqa’ għal jumejn oħra biex jintlaħaq qbil bejn il-partiti fuq kif jistgħu joħorġu mill-kriżi politika fil-pajjiż.

Matul intervista, Lecornu qal li l-maġġornaza tal-parlamentari mhux biss ma xtaqux elezzjoni ġdida, iżda li hija urġenti l-ħtieġa li jgħaddi Budget ġdid sa l-aħħar tas-sena.

L-akbar sfida li tidher li qed jiffaċċja Lecron hija jekk jirnexxilux jikkonvinċi s-Soċjalisti, fi żmien 48 siegħa, li jerġgħu jikkonsidraw jingħaqdu mal-maġġoranza.