Hekk kif il-Budget issa jinsab ftit aktar minn ġimagħtejn ‘il bogħod, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kompla bil-laqgħat mal-imsieħba soċjali – laqgħat fejn il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jwassal il-viżjoni tiegħu għal pajjiżna bil-għan li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Matul il-laqgħa li Alex Borg kellu mal-GWU huwa sostna li s-settur tax-xogħol jibqa’ pilastru importanti għal pajjiżna filwaqt li enfasizza l-bżonn li jissaħħu l-pagi. Qal ukoll li hemm bżonn li jkun hemm bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ.
F’kummenti ma’ Net News il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega wħud mill-proposti li ġew diskussi matul din il-laqgħa produttiva.
Apparti minn hekk matul il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg wera tħassib fuq il-fatt li pajjiżna għandu rata tat-twelid mill-aktar baxxa; filwaqt li aċċenna fuq l-importanza li nissalvagwardjaw il-ġens Malti u Għawdxi.
Hawnhekk huwa fakkar li matul dawn l-aħħar ġranet il-Partit Nazzjonalista ħareġ numru ta’ proposti bil-għan li jinċentivaw it-trobbija.
Minn naħa tagħha l-GWU spjegat li d-dokument ta’ qabel il-budget jinkludi proposti li huma marbutin mal-viżjoni fit-tul u li għandhom jwasslu għall-kwalità ta’ ħajja aħjar. Fost l-oħrajn saħqu fuq l-importanza tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, it-trasparenza f’pajjiżna, li l-ambjent ikun prijorità kif ukoll li l-ġeneri differenti jingħataw l-istess paga.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li din is-sena l-proposti għall-Budget immorru lil hinn mis-settur tax-xogħol.
Għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Adrian Delia, Ivan Castillo u Jerome Caruana Cilia.
