Opinjoni

OPINJONI: Dalgħodu – Viżjoni ta’ Malta li ma tħalli lil ħadd warajha

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali
u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra
l-Faqar u s-Solitudni

Dalgħodu fil-Parlament Malti m’aħniex sejrin niċċelebraw biss proġett, jew Antoloġija bil-ħsieb li tħalli frott li jibqa’, imma sejrin nippreżentaw ukoll viżjoni. Viżjoni ta’ Malta li tħares ’il quddiem, imma li ma tħalli lil ħadd warajha. 

Dan il-ktieb ma nqalax minn xi skrivanija fl-uffiċċju, iżda minn art ħajja, mid-djar tal-familji li żort, mit-toroq li terraqt biex niltaqa’ ma’ kulħadd, mill-karbiet tal-fqar u tal-emarġinati, u mill-Food Bank li waqqaft għaxar snin ilu, biex nagħti ftit tama lil min tilef kollox. Tkellimt ma’ nisa u irgiel li jissieltu kuljum biex jgħixu lill-familji tagħhom, ma’ żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet li jridu jibnu l-futur tagħhom. 

Fittixt kemm flaħt bnedmin li huma inviżibbli fis-solitudni tagħhom. Tfajt widnejja mal-art sa ħassejt l-uġigħ tagħhom ikellimni.  Minn dawn il-laqgħat u l-inkontri kollha twieldet fija konvinzjoni soda: li l-politika soċjali trid tibda billi tisma’, tifhem u tħoss il-bniedem. Għalhekk b’sens ta’ responsabbiltà u b’viżjoni ċara, fittixt u ġibt spalla ma’ spalla miegħi, 35 professjonist minn oqsma differenti tal-ħajja soċjali – esperti kompetenti li qasmu l-għarfien tagħhom biex flimkien insawru dan il-proġett soċjali.

Uħud minn dawn il-professjonisti, dalgħodu sejrin jaqsmu l-kitba tagħhom b’mod preparat u konċiż.  Dawn il-kontributuri flimkien ma’ oħrajn huma xhieda ċara li f’pajjiżna hawn bnedmin b’qalb kbira, ta’ kompetenza u ta’ rieda. Flimkien magħhom ħallejna l-vuċi tan-nies tkun ir-ruħ li tiggwidana. Għaliex din il-ġabra ta’ ħsibijiet. Il-Quddiem b’Dinjità hija frott ta’ ħidma kollettiva mmexxija minn missjoni waħda: li kull bniedem f’Malta u Għawdex jgħix ħajja b’dinjità.  

F’dan il-proġett, il-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Mhux statistika, mhux numru, imma bniedem, iva quddiemna għandna uman, uman li jfisser dinja! Bnedmin li bħalissa jinsabu qishom fi skutella mimlija ilma – jitħabtu biex ma jegħrqux, u xorta ma jsibux fuq xiex jistrieħu. ’Il Quddiem b’Dinjità jrid ikun kumpass morali ibbażat fuq valuri umani u li jgħożżu l-ħajja –  li jgħinna nilħqu lil kull min għandu bżonn – b’fiduċja sħiħa li aħna, bħala soċjetà, kapaċi nagħmlu aktar, u nagħmlu aħjar…. dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa dover tagħna. L-għan tagħna forsi mhux sempliċi imma bla dubju doveruż.

Permezz ta’ din l-antoloġija rridu li kull deċiżjoni politika tħares lejn il-ġustizzja soċjali.  Li kull ċittadin ikollu ċ-ċans jgħix ħajja b’dinjità – b’impjieg li jħallas tajjeb, bi djar li wieħed jiflaħ jixtri jew jikri, b’opportunitajiet li ma jħarsu lejn ħadd bħala piż imma aktar bħala sieħeb fil-ġid komuni. Din l-antoloġija hija stedina għar-riflessjoni. Mhux biss għal min iħejji programmi u manifesti politiċi, imma għal kull min għandu għal qalbu l-ġid komuni tas-soċjetà.

Jekk irridu li l-ekonomija tikber b’mod li jħossha kulħadd, irridu nibdew b’dawn il-prinċipji: solidarjetà, ġustizzja, u rispett lejn kull uman. Jien u dawk ta’ madwari poġġejna lil bniedem fl-attenzjoni kollha tagħna. Poġġejna lil bniedem qabel dak li jemmen fih. Irrelevanti jekk iħaddanx l-istess politika tiegħi.  Irrelevanti jekk jaraniex fi stampa tajba. Poġġejna d-dinjità tiegħu qabel kull domma.  Ipprovdejna paġni li fihom x’tixtarr, b’uħud mill-paġni fihom sinjali ta’ twissija. Enfasizzajna fuq politika meħtieġa, fuq riformi u tmexxija li twassal għal bidla li tħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-bnedmin. Nistgħu naslu …. dak li qed nipproponu jista’ jseħħ.

Kulma neħtieġu rieda politika. Fid-daqs ċkejken tal-gżira tagħna, sar ħafna u ħafna ġid, imma fil-limitazzjonijiet tagħna hemm ukoll opportunitajiet li jistgħu jinbidlu f’riformi. Nirrepeti, kulma neħtieġu rieda politika tajba biex nindirizzaw l-isfidi soċjali ta’ llum.   

Bosta huma dawk li bħalna jemmnu li nistgħu nimxu ’l quddiem b’dinjità, biex inħarsu lejn dawn il-kitbiet u nagħmluhom tagħna, biex fl-aħħar mill-aħħar jkunu parti mit-trasformazzjoni li hemm bżonn. F’dan il-proġett, ħloqna sistema ta’ appoġġ soċjali li tkun flessibbli u li twieġeb għal ħtiġiet kumplessi ta’ individwi u familji vulnerabbli. Fuq kollox irridu nirrikonoxxu u ngħinu lil dawk l-NGO’s li jappoġġjaw familji, jinvestu fit-tfal milquta minn forom differenti ta’ trawmiet, biex jagħtu l-ħiliet lill-professjonisti sabiex dawn joffru interventi f’waqthom u personalizzati.

Dak li sejrin nippreżentaw jinkludu mekkaniżmi ta’ assistenza finanzjarja ġusta, tisħiħ tas-servizzi bbażati fuq il-komunità, u mudelli preventivi li jafu jsawru sistema ta’ welfare aktar ekwa u effikaċi għal kulħadd, l-aktar bi preferenza ta’ dawk li għadhom jissieltu biex jitilgħu mill-iskutella tal-abbandunati.  Dan hu proġett eċitanti li ma jgħoddx għal min jaqta’ qalbu.  Dan hu proġett fejn qalbna tħabbat fl-istess ħin. Dan hu proġett komuni  għal min irid il-ġid lil pajjiżna. Għax bnedmin ta’ rieda tajba jridu li t-tkabbir ekonomiku jintlaħaq minn kulħadd. Dan hu interess li jġibna flimkien, din hi avventura li għandu jirkeb fuqha kull min għalih il-bniedem ġo skutella abbandunata jfisser dinja!  

Għada jkollna t-tnedija tal-ktieb f’Alfa Gardens Ħ’Attard fit-19:45. Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq 77480241. 

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 9 ta’ Ottubru, 2025.