Opinjoni

OPINJONI: Dan hu l-mument li nkunu ġenerużi

Nhar il-Ħadd li ġej kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, tgħodd. Kull donazzjoni hija ta’ għajnuna u hija utli. Bil-ftit mingħand il-ħafna l-Partit Nazzjonalista jkollu r-riżorsi li jeħtieġ biex ikompli bil-ħidma fejjieda tiegħu.

Angelo Micallef

Nhar il-Ħadd li ġej il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza maratona ġbir ta’ fondi. Maratona simbolika ħafna hekk kif se tkun l-ewwel maratona min meta t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista eleġġew lil Alex Borg bħala Kap tal-Partit.

Se tkun l-ewwel maratona minn meta stħarriġ tal-opinjoni pubblika wera bl-aktar mod ċar li l-Partit Nazzjonalista kien naqqas id-distakk sew minn mal-Partit Laburista, xi ħaġa li qiegħda tinkwieta mhux ftit lill-istess Partit Laburista li bl-aktar mod ċar jinsab f’paniku.

Naturalment fil-ġimgħat li ġejjin ir-ritmu tal-ħidma se jkompli jiżdied hekk kif ir-ritmu politiku issa jerġa’ jaqbad ir-rutina normali tiegħu. Se jkompli jiżdied ukoll hekk kif qiegħed joħroġ dejjem aktar ċar li pajjiżna għandu bżonn Partit Nazzjonalista li jista’ joffri lilu nnifsu bħala gvern alternattiv. Partit Nazzjonalista, taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, li qiegħed ikompli juri li huwa partit kuraġġuż li mhu se jibża’ qatt jieħu n-naħa tal-poplu.

Id-differenza bejn ir-riżorsi tal-PN u dawk tal-PL

Il-Malti jgħid li bla flus la tgħannaq u lanqas tbus. Dan huwa minnu u għalhekk hija biss realtà tad-dinja li tgħidlek li mingħajr riżorsi finanzjarji l-Partit Nazzjonalista jkollu problema biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Ħaddieħor faċli jwassal il-messaġġ tiegħu; jista’ jinqeda bl-istazzjon nazzjonali u jimlih b’eks ġurnalisti tal-One; jista’ jinqeda bl-Arms sabiex din tibgħat l-ittri fid-djar tgħidilna kemm grazzi għall-Gvern iffrankajna flus; jista’ jinqeda bil-poter sabiex jaqdi lil tal-qalba.

Il-Partit Nazzjonalista jista’ biss iwassal il-messaġġ tiegħu permezz tal-attivitajiet, tar-reklamar u tal-midja tiegħu; kollha affarijiet li għalihom trid il-finanzi. Għalhekk nhar il-Ħadd li ġej kull donazzjoni, żgħira kemm hi żgħira, tgħodd. Kull donazzjoni hija ta’ għajnuna u hija utli. Bil-ftit mingħand il-ħafna l-Partit Nazzjonalista jkollu r-riżorsi li jeħtieġ biex ikompli bil-ħidma fejjieda tiegħu.

Naturalment nhar il-Ħadd huwa wkoll mument tajjeb biex inżuru d-Dar Ċentrali u niltaqgħu lkoll flimkien bħala familja waħda Maltija. Familja waħda li tħobb lil pajjiżna u trid il-ġid għal pajjiżna. Il-bieb huwa miftuħ għal kulħadd; dawk kollha ta’ rieda tajba se jsibu merħba u jdejn miftuħa.

M’għandi ebda dubju li ħafna mill-qarrejja ta’ In-Nazzjon se jkunu hemm u se juru ġenerożità mal-Partit Nazzjonalista f’dan il-mument hekk importanti. L-appell umli tiegħi huwa mill-ġdid biex kulħadd jgħin kif jista’. Pajjiżna għandu tassew bżonn paġna ġdida u bidu ġdid.

Post Macron mhux tenibbli

Huwa ċar kristall li post il-President Franċiż Emanuel Macron m’għadux tenibbli. Huwa ċar li Macron ma jgawdix il-fiduċja tal-Parlament Franċiż u li l-programm elettorali tiegħu m’għandux l-appoġġ meħtieġ sabiex jiġi implimentat. Anke jekk Macron jemmen li l-politika tiegħu hija aħjar min dik tar-rivali tiegħu, f’demokrazzja aħna mgħallma li r-rieda ta’ wieħed jew ta’ ftit ma’ tistax tiġi imposta fuq il-maġġoranza.

Franza ma tistax tibqa’ politikament paralizzata bi Prim Ministru ġdid kull ftit ġimgħat li jispiċċa jinbidel malli naslu għall-mument tad-deċiżjoni. Franza teħtieġ gvern li jindirizza llum qabel għada l-kriżi finanzjarja enormissima li għandu l-pajjiż. Franza teħtieġ gvern li jista’ jieħu d-deċiżjonijiet. Gvern li jista’ jagħti lil Franza direzzjoni u jista’ joffri s-soluzzjonijiet. Gvern li jkollu mandat leġiżlattiv ċar.

Huwa ċar ukoll li l-persuna ta’ Macron f’dan l-istadju hija parti mill-problema. President diviżiv; president li naqas milli jispira l-fiduċja li jista’ joffri xi soluzzjoni; president li mhux għall-ewwel darba ma ddejjaq xejn jgħaddi romblu minn fuq id-demokrazija.

Huwa ċar li Franza teħtieġ li żmien Macron jiġi fi tmiemu llum qabel għada.

Naturalment huwa minnu li din il-klima toħloq ir-riskju mhux żgħir li Franza tispiċċa taħt it-tmexxija tax-xellug estrem jew tal-lemin estrem. Huwa minnu li ż-żewġ estremi jirrappreżentaw theddida serja ħafna fuq livelli differenti. Madankollu din ma tista’ qatt tkun skuża biex b’xi mod Macron he overstays his welcome kif qiegħed jagħmel ma’ kull jum li jgħaddi.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 9 ta’ Ottubru, 2025.