Ylenia Montfort
Minority Leader
Kunsill Lokali
Valletta
Li l-Belt Valletta tissemma’ b’mod negattiv mhi qatt perspettiva li nieħu gost nara, aħseb u ara meta l-istess kritika tkun fuq il-Kunsill Lokali li minnu jien parti u a kawża ta’ min suppost ġie elett mir-residenti biex imexxi bl-ikbar responsabbiltà, bi trasparenza u b’governanza tajba.
Huwa diffiċli tibqa’ sieket jew ma jkollokx reazzjoni meta tara ċerti affarijiet inaċċettabbli jew meta kontinwament tibqa’ tipprova tiġbed l-attenzjoni laqgħa wara oħra u ma jinbidel xejn.
Il-qamar il-għasel għadda u issa ilna sena u fuqhom li xammarna l-kmiem u jekk wieħed ikollu jiżen x’verament sar fil-Belt Valletta li seta’ jtejjeb ħajjet niesha, ftit li xejn joħroġ sugu.
Il-ġurnata minn filgħodu turik – is-Sindku jieħu d-dekasteri tal-proġetti kapitali u infrastruttura u ma jsir assolutament xejn f’sena hija l-ewwel red flag ta’ dan il-Kunsill.
Abbużi kontinwi
li m’għandhomx jitħallew għaddejjin
Li s-Sindku u l-Viċi-Sindku jonqsu milli jaħdmu flimkien u jkollok Viċi assenti u bla dekasteru hija t-tieni bandiera ħamra. U għaliex fuq tlieta toqgħod il-borma, meta Sindku Laburista lanqas biss iħalli lill-Kunsillieri sħabu (tal-istess Partit għal ġieħna) jaħdmu bil-libertà fid-dekasteri li tahom hu stess, tinduna kemm tkun missejt il-qiegħ.
Insiba stramba kif Sindku Laburista taħt Gvern Laburista jfalli milli jikkomunika effettivament mal-entitajiet u awtoritajiet governattivi li kollha billew subajhom fil-Belt Valletta biex il-poter li tneżża’ mill-Kunsill, tal-inqas, jissarraf f’ħidma konġunta u naslu qrib id-destinazzjoni mixtieqa.
Imma li Sindku jaqbeż il-limitu u saħansitra jipprova jagħmel xogħol amministrattiv fil-Kunsill b’diżrispett lejn l-istess ħaddiema li jmexxu l-Kunsill huwa inaċċettabbli u bl-ebda mod skużabbli.
Dan l-istess Sindku li minħabba fih, il-Kunsill kollu ssemma’ fl-aħbarijiet minħabba l-mod illegali kif mingħajr vot, is-Sindku Olaf McKay waqqa’ tender tal-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl fil-Belt Valletta, tali kawża spiċċat il-Qorti, bis-sentenza tinqata’ kontra l-Kunsill – hekk kif dejjem jiena u l-kollegi Kunsillieri Nazzjonalisti (u l-Viċi-Sindku Alfred Zammit) dejjem sostnejna.
Il-Kunsill Lokali, dgħajjef kemm hu dgħajjef mill-poteri, jistħoqqlu r-rispett dovut lilu u jistħoqqlu li jiġi mmexxi minn persuni responsabbli, maturi u li la jaraw kulur u wisq anqas iħallu l-poter jagħmihom.
Jistħoqqlu Sindku li minflok iberbaq il-finanzi f’safar u affarijiet fiergħa – jinvestihom f’infrastruttura u affarijiet materjali li minnhom jistgħu jgawdu r-residenti.
Jistħoqqlu Sindku li lest joħroġ għonqu kontra kull kurrent biex dak li qed idejjaq ir-resident, jieħu azzjoni fuqu – sieħeb il-bilanċ bejn il-kummerċ u r-residenzjal, sieħeb il-mużika għolja li qed taffettwa s-saħħa mentali tar-residenti, sieħeb in-nuqqas ta’ infurzar u sens ta’ impunità li hawn fil-Belt, sieħeb in-nuqqas ta’ dixxiplina, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni li qed tirrenja bejn l-awtoritajiet li suppost qed jaraw li jkun hawn bon-ordni u bilanċ f’belt kapitali, sit wirt UNESCO u l-lista tibqa’ għaddejja.
L-attività li saret fi Ġnien Hastings kienet attività bi ħsieb ġenwin li bi prinċipju, naqbel miegħu. Huwa l-mod kif saru l-affarijiet minn wara dahar is-sittKunsillieri l-oħra li jħassibni għaliex l-attività la kienet xewqa tal-Kunsill, la kienet pjanata waqt il-laqgħat tal-Kunsill u lanqas ingħatajna informazzjoni kieku jien u l-Kunsillieri sħabi miż-żewġ partiti ma staqsejnix għal iktar dettall, fosthom, mozzjoni ta’ infiq li din bilfors trid titla’ quddiem il-Kunsill qabel kull attività.
Strateġija abbużiva
Li hu tajjeb, ngħidlu tajjeb u l-istess li hu ħażin imma m’jien ser naċċetta qatt li Sindku jadotta strateġija ta’ one-man show u jipprova jgħaddi minn fuqna għall-iskopijiet personali – huma x’inhuma l-iskopijiet.
Il-Beltin jistħoqqilom ikunu jafu l-verità u mhux dak biss li jittella’ fuq il-mezzi soċjali għal-likes u prosit. Il-Beltin jistħoqqilhom tim ta’ seba’ Kunsillieri jaħdmu qatigħ u flimkien, għall-ġid tal-komunità u mhux Sindku li jaħdem waħdu biex jidher hu biss u jitfi’ dawl ħaddieħor – tifhmunix ħażin, m’aħnix hawn għall-grazzi u prosit imma jekk kull Kunsillier li jaħdem għal rasu kapaċi jagħmel xi ħaġa waħda ta’ ġid, immaġinaw x’jista’ jiġri kieku l-Kunsill Lokali jkollu Sindku fit-tmun li jkun kapaċi jgħaqqad lit-tim u jmexxihom ’il quddiem suċċessivament.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 5 ta’ Otttubru, 2025.
//= $special ?>