Opinjoni

OPINJONI: Imħallfin, Maġistrati, Pulizija

Xi ġimgħat ilu argumentajt minn dil-kolonna li l-pagi tal-pulizija mhux biss għandhom jiżdiedu imma wkoll id-differenzi fil-paga bejn il-pulizija rġiel u l-pulizija nisa għandha tintemm, u l-pulizija kollha jitħallsu ndaqs

Mark A. Sammut Sassi

Kellu raġun biex ibigħ il-Prim Imħallef Mark Chetcuti meta ftit tal-jiem ilu ppropona li jitneħħew id-differenzi kollha fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji li jeżistu llum bejn l-imħallfin u l-maġistrati.

Għandu raġun ukoll jisħaq li jingħaqdu f’korp wieħed, mingħajr distinzjonijiet.

Jidhirli li l-punt hu validu ħafna, għax ix-xogħol tal-imħallfin u tal-maġistrati, għad li differenti bil-bosta, hu ta’ importanza fuq l-istess livell.

Lid-distinzjoni bejn dawn iż-żewġ fergħat tal-ġudikatura, il-Prim Imħallef sejħilha anakronistika. Il-kumplessità tax-xogħol tal-maġistrati, u l-volum enormi tiegħu, bilfors iwasslu lil kull min hu raġonevoli biex jaqbel mal-Prim Imħallef: id-distinzjoni għandha tintemm.

Naturalment, bidla bħal din, kif qal il-Prim Imħallef innifsu, ma tiġix kif ġieb u laħaq. Teħtieġ ħafna bidliet fil-liġi u saħansitra fil-Kostituzzjoni. B’danakollu, jekk il-Gvern jiddeċiedi li jidħol għalih, m’hemmx dubju li l-isforz iħalli frott kbir.

Nittama li dal-Gvern li tant jiftaħar imma li fil-verità jagħmel ftit, isib l-enerġija u l-volontà biex ineħħi d-distinzjonijiet bejn l-imħallfin u l-maġistrati u joħloq korp wieħed tal-ġudikatura li jikkumpensa bix-xieraq ix-xogħol ta’ dawn li llum għadhom żewġ fergħat tal-istess organu tal-Istat.

Binja ġdida

Sadattant, imma, il-Prim Ministru, flok ma jagħti widen għall-kliem tal-ġudikatura, kien għaddej ġmielu jbeżża’ lill-Maltin bil-babaw tal-barranin. Tant dat-tbeżżigħ bil-babaw kien diskors vojt u nieqes mill-għaqal li saħansitra dak li kien kap tal-aħbarijiet ta’ ONE (l-istazzjon televiżiv tal-partit li tiegħu l-Prim Ministru hu mexxej) ħass li kellu jikkritikah! Sandro Mangion ta tbeżbiża papali lil Robert Abela talli qagħad ibeżża’ li l-ħaddiema barranin huma ta’ theddida għat-tradizzjonijiet tagħna.

Il-biċċa hi li waqt li Robert Abela kien għaddej ikebbes in-nirien tal-biża’ mill-ħaddiema barranin billi jitfa’ l-ħatab tat-tradizzjonijiet tagħna, l-istess Robert Abela fetaħ binja fil-Belt li hi miżgħuda b’senjaletika bl-Ingliż! Bħallikieku għadna kolonja!

M’ilux wisq il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzju tiegħu fetħu binja fi Triq Frederiku l-Belt għall-maġistrati inkwirenti. Il-binja – Palazzo Conte – tagħmel parti mill-Qrati u l-verità hi li hi sabiħa u x-xogħlijiet ta’ tlestija li saru fiha huma sbieħ. Jiġifieri l-element ta’ fixfixò li jolqot l-għajn ġie sodisfatt bil-kbir. Imma Robert Abela – li ismu miktub b’ittri kważi jiddu fil-lapida li hemm fl-intrata ta’ dil-binja – donnu nesa d-diskors kollu favur it-tradizzjonijiet tagħna, u xejn ma għaddielu minn moħħu li jordna li s-senjaletika fil-binja l-ġdida tkun bil-Malti!

Għax il-Malti jgħodd biss biex iwerwer bil-ħaddiema barranin u biex jappella għall-istinti l-aktar baxxi tas-segwaċi tiegħu! Ara fejn il-Malti jidħol bħala l-identità tal-Istat tagħna, bħala espressjoni tas-sovranità nazzjonali tagħna – hemmhekk Robert Abela jagħtik l-impressjoni li ma jimpurtah assolutament xejn.

Ma jistax ikun hemm dubju li dan hu Gvern amatorjali.

Joqogħdu jinkwetaw li mhux wisq ’il bogħod il-jum li fih il-Maltin se jgħibu, imma mbagħad ma jinkwetaw xejn li l-akbar turija tal-identità tagħna l-Malti huma stess qed jikkontribwixxu biex jgħib – billi, ngħidu aħna, f’dil-binja l-ġdida (li fetħu huma stess, għal ġieħna) kollox miktub bl-Ingliż!

Tista’ tkun aktar kontradittorju minn hekk?

Nappellalu lil Robert ‘Nibżgħu għat-Tradizzjonijiet Tagħna’ Abela jieħu azzjoni xierqa u jara li s-senjaletika f’dil-binja l-ġdida tinbidel u mill-Ingliż issir bil-Malti.

Il-Pulizija

Semmejna l-imħallfin u l-maġistrati – inħoss li bix-xieraq insemmu l-pulizija, li l-ħidma tagħhom hi qrib ħafna tal-ġudikatura.

Xi ġimgħat ilu argumentajt minn dil-kolonna li l-pagi tal-pulizija mhux biss għandhom jiżdiedu imma wkoll id-differenzi fil-paga bejn il-pulizija rġiel u l-pulizija nisa għandha tintemm, u l-pulizija kollha jitħallsu ndaqs. Jiġifieri, paga ogħla u pagi ndaqs.

Ukoll għax ix-xogħol tal-pulizija kotor u kiber minħabba fil-ħafna ħaddiema barranin li Abela qagħad ibeżża’ bihom.

Il-bżonn tal-bidla

Hemm bżonn ta’ bidla fl-organizzazzjoni tal-ġudikatura u fit-trattament li jingħata lill-pulizija. Jidhirli li l-Gvern ta’ Robert Abela ma huwiex attrezzat biżżejjed biex iwettaq il-bidliet meħtieġa. Jidhirli li ż-żmien sar biex ikun hemm bidla fit-tmexxija li twassal għall-bidla meħtieġa. Inħoss li Alex Borg għandu l-potenzjal biex iwassal għal dil-bidla.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 9 ta’ Ottubru, 2025.