Futbol Sport

Rebħa konvinċenti għall-Olanda minkejja l-isforz tat-tim Malti

Ritratt: Joseph Galea

MALTA ……………………. 0
OLANDA …………………. 4

Malta: H.Bonello, R.Camenzuli, K.Shaw, M.Guillaumier, J.Mbong, I.Chouaref, T.Teuma, I.Cardona, E.Pepe, J.Corbolan, A.Satariano
Olanda: B.Verbruggen, J.Timber, V.van Dijk, R.Gravenberch, W.Weghorst, C.Gakpo, J.Frimpong, T.Reijnders, Mva nde Ven, F.de Jong, D.Dumfries
Referee: D.Strukan
Assistenti Referees: A.Jaksic, M.Tomas

Fl-Istadium Nazzjonali f’Ta Qali rebħa konvinċenti għall-Olanda bl-iskor ta’ 4-0 minkejja l-wirja qalbiena tat-tim nazzjonali Malti. Fl-ewwel taqsima it-tim Malti żamm il-pass mal-plejers ta’ fama mondjali Olandiżi, fejn fit-tieni taqsima l-Olandiżi urew il-qawwa tagħhom b’sostituzzjonijiet fost oħrajn ta’ Memphis Depay, Justin Kluivert u Donyell Mlalen.

Żewġ minuti logħob ċans tad-deheb għal Malta meta Virgil van Dijk ta’ passs lura lejn il-goalkeeper Verbruggen bla ma ħares, approfitta Joseph Mbong, li minn pożizzjoni angolata ma rnexxielux isib ix-xibka. L-ewwel konklużjoni tal-Olanda mal-għaxar minuti meta Gravernberch għadda lejn Weghorst, b’Henry Bonello jsalva tajjeb. Mill-istess azzjoni l-istess plejers reġgħu bidlu l-ballun b’Weghorst jikkonkludi fix-xibka, bil-gowl tiegħu ma jkunx konvalidat hekk kif ir-referee kien diġa assenja penalty. Mill-ħdax-il metru Cody Gakpo ma żbaljax għal 1-0.

Ritratt: Joseph Galea

Minuti wara l-Olanda viċin li jirduppjaw meta minn tarf il-kaxxa Cody Gakpo ra l-konklużjoni tiegħu taħbat mal-lasta. Mal-34 minuta logħob, attakk rari għal Malta meta minn kontrattakk tajjeb ta’ Juan Corbolan, Ilyas Chouaref li ra l-konklużjoni tiegħu tkun devjata għal corner. Tliet minuti ir-referee ordna penalty ieħor għall-Olanda meta f’deċiżjoni dubjuża, Kurt Shaw deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa, bir-referee jbiddel id-deċiżjoni wara konsultazzjoni mal-VAR.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima l-Olanda irduppjaw meta għal darb’oħra ingħataw penalty, reġa’ inkariga ruħu Cody Gakpo, li għeleb lil Henry Bonello għat-tieni darba. Mas-56 minuta jasal it-tielet gowl tal-Olanda, meta id-difiża Maltija żbaljat b’passaġġ fuq wara approfittaw l-Olanda u kkonkluda Reijnders għal 3-0.
It-tim nazzjonali issa jitfa’ ħarstu lejn il-partita ta’ ħbiberija kontra l-Bosnija u Herzegovina fl-Istadium Nazzjonali f’Ta Qali. FIl-ħin mogħti żejjed kien l-attakkant Memphis Depay li għamel l-iskor finali 4-0.