Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 36 sena minn Birżebbuġa nstab ħati u kkundannat sentejn ħabs effettivi wara li ammetta li żamm lill-eks sieħba tiegħu kontra l-volontà tagħha f’każ li seħħ fil-Qajjenza fid-19 ta’ Marzu 2023. Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ bejn il-ħinijiet tal-5pm u t-8pm, fejn ir-raġel mhux biss żamm lill-mara kontra r-rieda tagħha, iżda beżżagħha, weġġagħha ħafif u kiser sentenzi preċedenti imposti mill-Qorti.

L-Ispettur Sherona Buhagiar akkużat lir-raġel b’diversi reati relatati mal-vjolenza domestika. Fil-Qorti, il-prosekuzzjoni u d-difiża ressqu proposta ta’ piena sospiża, iżda l-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet din it-talba minħabba li l-akkużat kien diġà kiser sentenza tal-Qorti, u għaldaqstant ma setax jibbenefika minn piena sospiża oħra.

Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin għal sentejn sabiex tipproteġi lill-vittma u ordnat lir-raġel iħallas is-somma ta’ €1,562 fi spejjeż tal-Qorti.