Justin Haber, eks gowlkiper tat-tim nazzjonali Malti u eks kunsillier Laburista, ingħata sentenza sospiża u multa ta’ €7,000 instab ħati li ħajjar tfajla ta’ 14-il sena għal imġiba ta’ natura sesswali bejn l-2020 u l-2022, meta kienet taħdem bħala waitress f’Pitch 16 f’Marsaxlokk, li kien imexxi hu bħala sid.
Il-Qorti sabitu ħati li wettaq atti, kliem u imġiba li ma kinux mixtieqa mill-vittma u li setgħu jiġu meqjusa bħala offensivi, intimidanti u degradanti. L-Ispettur Kylie Borg xehdet kif f’Awwissu 2022 rċeviet rapport minn Aġenzija Appoġġ wara informazzjoni li tfajla kienet se tidħol f’relazzjoni sesswali ma’ Haber.
L-investigazzjoni wasslet biex ġew żvelati messaġġi bejn il-vittma u Haber fejn instemgħu allegazzjonijiet serji li jinkludu mess fuq il-warrani, talbiet għal bewsa li spiċċat fuq ix-xofftejn, talbiet għal ritratti kompromettenti u mistoqsijiet dwar il-verġinità tagħha.
Il-vittma xehdet li Haber offrilha wkoll li tqatta’ ħin miegħu waħedha, fosthom fuq dgħajsa jew fid-dar tiegħu. Waqt l-interrogazzjoni tiegħu, Haber ċaħad li bagħat il-messaġġi u qal li kienu miktuba tajjeb wisq tajjeb għalih, billi hu dislessiku.
Madankollu ammetta li l-bewsa seħħet u kkonferma li messilha l-warrani u staqsiha dwar il-verġinità tagħha. Qal ukoll li ma kellux dgħajsa u li qatt ma stedinha d-dar. Il-vittma xehdet permezz ta’ video conferencing u spjegat kif kienet tibża’ minnu għax kien juri rabja meta ma tagħmilx kif irid hu, iżda baqgħet taħdem hemm minħabba li kellha bżonn il-flus.
Ħabiba tagħha kkonfermat ukoll li Haber kien jagħmel kummenti mhux xierqa u rat b’għajnejha. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qieset li l-imġiba ta’ Haber kienet mhux xierqa għal ambjent tax-xogħol, speċjalment minħabba l-pożizzjoni tiegħu bħala persuna li timpjega minorenni.
Ir-rabta bejn l-awtorità tiegħu u l-vulnerabbiltà tal-vittma ġiet ikkunsidrata bħala element aggravat. Il-Qorti rrifjutat ukoll id-difiża li l-imġiba kienet frott relazzjoni ta’ familjarità bejn l-impjegati. Justin Haber, li kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi, instab ħati u ġie kkundannat sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, immultat €7,000, ingħata ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma u ġie ordnat li ismu jiddaħħal fir-Reġistru tal-Offenders.
//= $special ?>