Erba’ Sirjani u Libjan ingħataw sentenza sospiża u multi b’rabta ma’ każ ta’ ħtif ta’ persuna kontra l-volontà tiegħu u dan b’rabta mal-konflitt fis-Sirja. Il-każ, li seħħ bejn it-3:30pm u s-7pm tat-13 ta’ Jannar 2021, ma kienx maħsub biex iwassal għall-qtil jew biex ipoġġi l-ħajja tal-vittma f’riskju, iżda biex jikkawżalu offiża ħafifa.
Fil-każ xehed persuna oħra li wkoll qal li kien vittma ta’ swat u li dan kien seħħ f’Settembru ta’ sena qabel. Madankollu fuq swat fil-konfront ta’ Bakir Masoud il-Qorti ma sabitx lill-imputati ħatja. L-arresti kienu seħħew wara rejd imwettqa mit-Taqsima kontra t-terroriżmu tal-Pulizija f’Ħal Safi u Żurrieq.
Skont l-investigaturi, il-kawża tal-ġlied bejniethom kienet toriġina mis-sitwazzjoni fis-Sirja. l-irġiel huma Alhasan Abdulrahman, Sirjan ta’ 40 sena, li tressaq fuq akkużi li ħataf lill-vittmi bl-intenzjoni li jweġġgħu. Huwa kien ġie mixli wkoll li kien qed iġorr sikkina jew oġġett li jaqta’ mingħajr liċenzja.
Tlett irġiel oħra, Ghyas Dahrouj ta’ 51 sena mis-Sirja, Safi Dahrouj ta’ 34 sena wkoll mis-Sirja, u Fadel Abdulsalam ta’ 34 sena mil-Libja, ġew akkużati bħala kompliċi fil-ħtif ta’ Alsatif bl-intenzjoni li jweġġgħuh.
Hassan Ahmed, ta’ 31 sena u resident ż-Żurrieq, ġie akkużat flimkien ma’ Abdulrahman li xerrdu l-biża’ fil-konfront ta’ Alsatif u ta’ Bakir Masoud fix-xhur ta’ qabel l-inċident. Ghyas Dahrouj, Safi Dahrouj u Abdulsalam ġew ukoll akkużati li heddew lil Alsatif bil-ħsieb li jikkawżawlu vjolenza jew ħsara fuq il-proprjetà tiegħu.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Anne Marie Thake, ikkonkludiet li l-imputati kienu ħatja ta’ reati serji li jinvolvu żamma illegali ta’ persuna, theddid, u vjolenza. Minkejja dan, fil-valutazzjoni tal-Qorti ġew meqjusa diversi fatturi mitiganti, fosthom il-fatt li l-imputati kellhom fedina penali netta jew prattikament netta, u għalhekk, il-pieni ta’ priġunerija ma ġewx infurzati b’mod effettiv iżda ġew sospiżi.
Alhasan Abdulrahman u Ahmed Hassan instabu ħatja ta’ diversi imputazzjonijiet relatati ma’ vjolenza u theddid, u kull wieħed minnhom ġie kkundannat għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Alhasan ġie mmultat €5,000, filwaqt li Hassan ġie mmultat €8,000, flimkien ma’ ordni ta’ trażżin favur il-vittmi għal perjodu ta’ ħames snin.
Ghyas Dahrouj ġie kkundannat għal 15-il xahar priġunerija sospiżi għal tliet snin, filwaqt li Safi Dahrouj u Fadel Abdulsalam Ahmed Mohamed kull wieħed minnhom ġie kkundannat għal 18-il xahar priġunerija, ukoll sospiżi għal tliet snin. Għal dawn tal-aħħar ma ġietx imposta multa.
Il-Qorti fakkret li l-piena għandha tkun ukoll mezz ta’ ri-edukazzjoni u riabilitazzjoni, u mhux biss kastig. Spjegat lill-imputati li jekk jiksru l-liġi matul il-perjodu ta’ sospensjoni, jistgħu jiġu mitluba jiskontaw il-piena tal-ħabs fil-prattika.
L-imputati ġew ordnati wkoll iħallsu l-ispejjeż legali relatati mal-ħatra tal-espert. Din is-sentenza turi approċċ bilanċjat fejn il-Qorti pprovdiet kastig proporzjonat għas-serjetà tar-reati, iżda fl-istess waqt uriet fiduċja li l-imputati jistgħu jagħmlu bidla fil-ħajja tagħhom.
Il-Qorti qalet li l-fatti aggravanti fil-każ kienu ż-żamma kontra r-rieda tal-vittma. Aġir ta’ vjolenza, theddid u intimidazzjoni, impatt psikoloġiku fuq il-vittma u reat serju kontra d-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-persuna.
Alhasan instab ħati ta’ żewġ akkużi minn sitta, Hassan ta’ tliet akkużi u multa qawwija minħabba l-gravità tat-theddid, Dahrouj, ħati ta’ akkuża minnhom, Dahrouj ħati ta’ żewġ akkużi u Fadel Mohammed ħati ta’ żewġ imputazzjonijiet li lkoll kienu relatati.
Fix-xhieda tiegħu il-vittma Mohamed Alsatif Ibrahim qal li fit-13 ta’ Jannar 2021 fl-erbgħa ta’ wara nofsinhar kien jinsab Birkirkara u kien ġie maħtuf minn ħames persuni, u cioe Abdulrahman Alhasan, Ahmed Hassan, Ghyas Dahrouj, Safi Dahrouj u Fadel Mohamed minħabba xi problem bejniethom fis-Sirja.
Fl-awla huwa għaraf lil Abdulrahman Hassan, Ghyas Dahrouj u Safi Dahrouj. Qal illi dakinhar kien mar fuq il post tax-xogħol tiegħu Abdulrahman Alhasan u beda jstaqsih għalfejn kien ħa dak ix xogħol, qabdu minn idejh u niżżlu ‘l isfel. Dak il-ħin kellu sikkina moħbija f’idejh u għamililu fil-ġenb ta’ dahru, u meta staqsih fejn kienu sejrin heddu li jekk jitkellem iħanxru, u qallu li z-ziju tiegħu Ghyas ried ikellmu u li kien qiegħed isfel jistennih.
Xehed illi kien diġà kien seħħ incident ieħor qabel dan ċirka fis-16 ta’ Novembru meta kienu heddewh Abdulrahman Alhasan u Ahmed Hassan waqt li kien f’kamra magħhom u seba’ persuni oħra f’kamra oħra. Dakinhar kienu qalulu li kull persuna li tiġi mir-raħal fis-Sirja minn fejn kien hu ser jiġrilu l-istess bħalma kienu diġà għamlu lil persuni oħra, u ċioè li interrogawhom u hedduhom, u li għalhekk kellu jitlaq minn Malta malajr.
Qalulu wkoll li jekk jinqatel xi ħadd mill-familjari tiegħu s-Sirja kien ser ikun it-tort tiegħu, iżda jekk jitlaq minn Malta ma kien ser jiġrilu xejn. Dakinhar hu kien talabhom ftit żmien biex jibqa’ Malta sabiex jilħaq jagħmel xi flus qabel ma jitlaq.
Fir-rigward tal-inċident tat-13 ta’ Jannar 2021 kompla jixhed illi meta niżlu fit-triq ħaduh ġewwa vettura fejn qalulu li kien hemm iz-ziju tiegħu iżda din il-vettura kienet vojta. Abdulrahman Alhasan imbuttah ġewwa l-vettura u kif daħal rikbu Abdulrahman Alhasan fis-seat tax-xufier, Ghyas Dahrouj maġenb Abdulrahman Alhasan, Safi
Dahrouj fuq in-naħa tal-lemin tiegħu u Fadel Mohamed fuq in-naħa tax-xellug. Waqt li kienu qed isuqu Ghyas Dahrouj staqsieh min qatel lil ħuh Aziz u hu wieġbu li ma kienx jaf, filwaqt li Fadel Mohamed beda jgħidlu li kienu inqatlulu 11-il membru tal-familja tiegħu u li riedu joqtlu lil xi ħadd mir-raħal minn fejn kien Mohamed Alsatif Ibrahim, u hu insista li ma kien jaf b’xejn dwar dan għaliex dak iż-żmien kien għad kellu 11-il sena, f’liema stadju bdew jgħidu li allura kien ħuh li kien għamel dawn l-affarijiet.
Mohamed Alsatif Ibrahim kien qed jitlobhom biex iħalluh joħrog mill-vettura iżda huma qalulu li ma kinux ser jagħmlu hekk u ħaduh Marsaskala kontra l-volontà tiegħu. It twieqi tal-vettura kienu magħluqin u l-bibien kienu imsakkrin u ma setax jiftaħhom meta prova jagħmel hekk.
Eventwalment waslu f’post ħdejn il-baħar, iżda ma niżlux mill vettura mal-ewwel post li waqfu, peress li kien hemm xi nies qed jaħdmu u oħrajn jistadu. Meta niżżlu mill-vettura Ghyas Dahrouj u Fadel Mohamed marru quddiem, Safi
Dahrouj u Abdulrahman Alhasan maġenbu u Ahmed Hassan minn warajh u bdew issawtuh. Hu ma kienx ried joħroġ mill-vettura għax beda jibża’ li joħduh f’xi post fil-għoli u jagħmlulu xi ħaġa iżda Abdulrahman Hassan u Ahmed Hassan ġibduh ‘il barra mill-vettura minn idejh u minn xagħru u mbagħad bdew jimbuttawh ‘il quddiem.
Meta għadda persuna minn ħdejhom Abdulrahman u Ahmed Hassan heddewh biex ma jgħid xejn, iżda hu beda jgħajjat “police police.” Abdulrahman Alhasan, Ahmed Hassan, Safi Dahrouj u Fadel Mohamed bdew issawtuh, imbuttawh mal-art u bdew jagħtuh bis-sieq waqt li hu kien qiegħed jgħatti rasu.
Ħin minnhom telaq jiġri iżda huma ġrew warajh u qabduh x’ħin wasal fejn il-karozza. AbdulrahmanAlhasan u Ahmed Hassan bdew jhedduh li jekk ma jitlaqx minn Malta ‘il-Libjan’ kien se jistuprah u huma kienu ser jieħdu filmat ta’ dan biex ixxerduh mad-dinja kollha.
Heddewh li jwaddbuh minn fuq irdum
Imbagħad qabduh u daħħluh bil-forza fil-karozza u qalulu li ma kienu ħa jagħmlulu u jgħidulu xejn, li kienu se joħduh fuq l-irdum u qalulu “inwaddbuk minn fuq l-irdum u ħadd ma jkun jaf bik” u Abdulrahman Alhasan qallu li jekk jagħmel rapport lil-Pulizija “aħna hawnhekk għandna ċ-ċittadinanza u biċ-ċittadinanza li għandna nistgħu nagħmlu li rridu.”
Fil-karozza mbagħad Ghyas Dahrouj qallu li ma kienu ser jagħmlulu xejn u li kienu se joħduh Birkirkara u jniżżluh u jkun jista’ jmur. Dak il-ħin Ahmed Hassan ma kienx fil-karozza iżda kien qed jitkellem fuq it-telefon u jgħid li kienu sejrin għal Wied iż-Żurrieq.
Waqt li kienu fit-triq beda jgħajjat biex jinżel mill-karozza kull darba li bdew jiefqu. X’ħin waslu ħdejn l-ajruport kien jaf li din ma kinitx it-triq lejn Birkirkara. Hawnhekk niżel Ghyas Dahrouj għax qalulu li kien joqgħod hemm, u hu prova jaħrab mit-tieqa iżda Safi Dahrouj u Fadel Mohamed żammewh meta kellu nofs ġismu kważi barra mill-karozza.
Abdulrahman Alhasan beda jsuq aktar jgħaġġel, u Safi Dahrouj u Fadel Mohamed irnexxilhom jiġbduh lura fil-karozza, iżda dak il-ħin irnexxilu jiftaħ il-bieba tal-vettura u ħareġ u beda jwaqqaf il-karozzi. Wara li għaddew xi ħames karozza waqfet waħda ta’ lewn iswed u hu talab lix-xufier bl-Ingliż sabiex jieħdu fejn irid ix-xufier u li ried imur Buġibba.
Dan il-persuna kien ħadu l-ajruport biex jaqbad tal-linja minn hemm. Dak il ħin kien qed jikkuntattjah il-persuna li kien jaħdem miegħu, li bagħtlu in-numru ta’ Nader Abu Ali. Nader Abu Ali mar għalih l-ajurport f’taxi bajda flimkien ma’ żewġ persuni li ma kienx jafhom u hu qallu b’dak li ġara.
Nader Abu Ali wasslu sal-Mosta, u mbagħad hu mar Buġibba b’tal-linja. Muri ritratt xehed illi din hija l-karozza li kien rikeb fiha minn Birkirkara. In kontro-eżami kkonferma illi xi ġimagħtejn qabel ma seħħ l-inċident ta’ Jannar 2021 kien mar ġo kamra f’Marsaskala għaliex kien ittieħed hemm mingħajr ma kien jaf għalfejn sejjer mill-ġarr tiegħu.
Hemmhekk kien hemm Abdulrahman Alhasan u Ahmed Hassan, li hu ma kienx jafhom personalment qabel dakinhar, iżda kien jaf li kienu jiġu mill-familja Dahrouj. Dakinhar hu kien telaq minn fuq il-post mal-persuna li kien wasslu hemm.
Innega li dakinhar tal-inċident kien ċempel lil Ahmed Hassan u qal li lanqas għandu n numru tal-mobile tiegħu. Mistoqsi min mill-imputati kien mar fuq il-post fejn kien qiegħed jaħdem dakinhar, wieġeb li kienu marru l-imputati kollha.
Innega li kien hu li kien qal lill-imputati fejn kien jaħdem. Innega li kien hu li kien ċempel lill-imputati u qalilhom biex imorru ħdejh ħalli jitkellmu. Mistoqsi jekk jikkonfermax li dakinhar kien daħal fil-karozza minn jeddu wieġeb li kien daħal għax kien ġie mhedded.
Mistoqsi jekk kinux l-imputati kollha li telgħu fuq xehed illi wieħed baqa’ isfel ħdejn il-bieb, tnejn kienu fit-tieni sular jitkellmu ma’ Hamdu,il-ħaddiem l-ieħor li kien hemm fuq il-post, u tnejn telgħu fuq fejn kien hemm hu.
Mistoqsi għalfejn ma qabadx u ċempel lill-Pulizija dak il-ħin wieġeb li żammewh mill-ewwel billi wieħed qabdu minn idejh il-leminja u l ieħor minn idejh ix-xellugija. Qabel li fit-triq lejn Marsaskala kien sar diskors bejnu u bejn Ghyas Dahrouj fir-rigward ta’ membru tal-familja ta’ Ghyas Dahrouj li kien inqatel fis-Sirja u li Ghyas Dahrouj qallu li kellhom “tar” li riedu jieħdu mingħandhom.
Tpattija
L interpretu spjega li din il-kelma għandha tifsira partikolari u ċioè forma ta’ tpattija meta jinqatel xi membru ta’ familja billi dik il-familja toqtol xi membru tal-familja l-oħra. Innega li kienet konversazzjoni ċivili u qal illi fil-karozza bdew jgħidulu li huma joqtlu lil min ikun mill-villaġġ tiegħu, u li Safi Dahrouj u Fadel Mohamed kienu qed iżommuh u ma jħalluhx jiċċaqlaq.
Minkejja li hu kien qed jgħidilhom biex iħalluh jitlaq filwaqt li Abdulrahman Alhasan sawtu kemm-il darba minn ġewwa l-karozza. Innega li kien qalilhom li sewwa għamlulu li qatluh lil dan il-persuna fis-Sirja.
Bakir Masoud qal ukoll li kien vittma tal-akkużati u xehed illi hu ġie Malta f’Lulju tas-sena 2020 u kien joqgħod Ħaż-Żabbar. Qal illi fl-10 ta’ Settembru kien attakkah Ahmed Hassan, li għaraf fl-awla, f’Marsaskala, billi wara li hu qallu li kien minn Idlib Ahmed Hassan kien imbuttah minn wara minn fuq dahru u hu waqa` mal-art, u ġibdlu jdejh wara dahru b’mod li ma setax jiċċaqlaq.
Wara heddu li se jitfagħlu 20 gramma kokaina jekk ma jitlaqx minn Malta, li kien ser jitfaħ l-oqbra taz-zijiet tiegħu u li kien ser jiġbed video fid-dar tiegħu. Qal ukoll li xi jumejn jew tlieta wara dan l-inċident Ahmed Hassan kien ċempillu waqt li hu kien qiegħed id-dar u qallu biex imur ħa jkellmu għax ried jarah. Kif ħareġ mid-dar sab lilu u lil Abdulrahman Alhasan li qalulu biex imorru jieħdu kafe, u rrifutjaw li jieħdu kafe ġewwa d-dar tiegħu. Abdulrahman Alhasan qallu biex jirkeb u li ma kienu ser jagħmlulu xejn.
Hu rikeb fil-karozza u ħaduh f’post diżabitat f’Marsaskala fejn bdew jhedduh biex jitlaq minn Malta u jgħidulu li kienu jafu persuni li kellhom ċertu posizzjonijiet fl-Istat li setgħu jgħinhom biex jagħmlu atti kriminali. Hu bbukja biex jitlaq minn Malta, u qalulu li kienu se jwassluh l-ajruport iżda irrifjuta li jerġa’ jitla` fil-karozza magħhom.
X’ħin wasal id-dar ibbukja biljett biex isiefer, iżda minflok siefer mar joqgħod Buġibba. Darba minnhom però, waqt li kien f’supermarket ma’ ħabib tiegħu marru fuqu Abdulrahman Alhasan u Ahmed Hassan u qabduh minn idejh minn naħa tal-lemin u wara xi 15 bagħtu żewġ persuni Libjani biex isawtuh.
Qal ukoll illi lil Ahmed Hassan ma kienx jafu sakemm ma attakah f’Marsaskala u lil Abdulrahman Alhasan ma kienx jafu sa dakinhar li kienu marru għalih bil-karozza, u żied ili huma ma riedu lil ħadd f’Malta li kien mir-raħal tiegħu minħabba l-gwerra li hemm fis-Sirja.
In kontro-eżami qabel illi kien hemm kwistjoni bejnu u bejn l-imputati kienet peress illi l-imputati kienu favur il-gvern Sirjan filwaqt illi huwa le. Muri r-ritratt xehed li r-raġel li jidher fuq in-naħa tal-lemin tar-ritratt huwa z-ziju tiegħu,
Mistoqsi kif sar jaf lil Mohamed Alsatif Ibrahim xehed li huwa mill-istess raħal tiegħu u ilu jafu minn meta kienu għadhom żgħar u joqogħdu s-Sirja. Mistoqsi kif waslu biex imorru jagħmlu rapport flimkien xehed li kien hemm xi persuni Għarab li tawhom parir biex jirrapportaw lill-Pulizija.
Muri ritratt xehed li r-raġel li jidher fuq il-lemin huwa Mohamed Alsatif Ibrahim u l-persuna l-oħra ma jafux. Mistoqsi jekk il-persuna l-oħra li tidher f’dan ir-ritratt huwiex membru tal-ISIS qal li ma jistax ikun għax l-ISIS tfaċċaw fl-2015 u dak iż-żmien Mohamed Alsatif Ibrahim kien it-Turkija.
Ikkonferma li hu kien tela’ fil-karozza minn jeddu u kienu ħaduh f’post iżolat f’Marsaskala. Qal li ma setax joħroġ mill-karozza għaliex il-bieba kienet imsakkra, iżda kkonferma li kienu l imputati li wassluh id-dar, u nell frattemp hu kien kompla magħhom għax kien qiegħed jibża’ peress li kien waħdu magħhom u kienu f’post iżolat.
Meta ġie ssuġgerit lilu li Ghyas Dahrouj kien xtara l-biljett biex iz-ziju tiegħu jiġi Malta xehed li ma jafx b’dan iżda li zijuh m’għandux bżonn min iħallaslu għall-biljett. Huwa kkonferma konversazzjoni bejnu u bejn l-imputat Safi Dahrouj li seħħet fit-22 ta’ Novembru 2020, għax kien xtaq li jitkellem ma’ Ghyas Dahrouj dwar il-problema li saret mat-tfal ta’ ħuh.
Mistoqsi jekk allura kienx jaf lil Ghyas u Safi Dahrouj minn qabel wieġeb li sar jafhom hawnhekk wara l-‘problema’ u spjega li din il-problema kienet is-sitwazzjoni politika fis-Sirja. Qal li wara l-inċident kien ċempel lil Ghyas Dahrouj mill-mobile ta’ ħuh Safi Dahrouj u qallu xi ġralu, u Safi Dahrouj informah illi Ghyas Dahrouj ma kienx hemm u ma jistax ikellmu, u li wara jista’ jkun li kien ċempillu Ghyas Dahrouj.
Ghyas Dahrouj kien qallu biex jitlaq minn Malta u li kien lest li jagħtih il-flus. Mistoqsi għalfejn kien dam xi xahrejn u nofs qabel ma’ rrapporta l-inċident wieġeb li dan kien għaliex l-imputati kieni hedduh u qalulu li kellhom’ċertu poter fil-pajjiż.
Qal illi huwa ma kienx jaħdem maz-ziju ta’ Abdulrahman Alhasan fi żmien l-inċident iżda qabel l-inċident kien ħadem miegħu għal xi jumejn jew tlieta. Innega li kien hemm żmien meta kien iċempel lil Safi u Ghyas Dahrouj biex jagħtuh xogħol.
In re-eżami kjarifika li l-persuni li hedduh biex ma jmurx jagħmel rapport mal-Pulizija kienu Abdulrahman Alhasan u Ahmed Hassan. Mistoqsi lil min kien jaf mill-imputati qabel l-inċident ta’ Marsaskala xehed li kien iltaqa’ biss maz-ziju tagħhom Hassan, u kienu sawtuh fil-post stess fejn kien jaħdem maz-ziju tagħhom.
Madankollu l-Qorti qalet li ma kienx hemm provi biżżejjed li juri li dan sofra minn xi swat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit. Għall-akkużati dehru l-Avukat Franco Debono, Alessandro Farrugia u Kris Busietta.
//= $special ?>