Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar fuq il-media soċjali li l-Iżrael u l-Hamas qablu dwar l-ewwel fażi tal-pjan ta’ paci.
Trump kompla jgħid li dan ifisser li l-ostaġġi kollha se jinħelsu, filwaqt li l-Iżrael se jirtiraw it-truppi tagħhom sa linja li qablu magħha ż-żewġ partijiet.
Dan ġie kkonfermat ukoll mill-ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Qatar, li permezz ta’ post fuq il-media soċjali qalu li din l-ewwel fażi se twassal għal tmiem tal-gwerra, u li minbarra l-ostaġġi Iżraeljani se jinħelsu wkoll il-priġuniera Palestinjani.
Din l-aħbar segwiet sensiela ta’ żviluppi, kemm fil-post fejn qed isiru n-negozjati mmexxija bejn Iżrael u Hamas fl-Eġittu, kif ukoll f’Washington.
Fil-White House, Trump qal li qed jistenna li jmur l-Eġittu sa tmiem din il-ġimgħa, bl-uffiċjali tiegħu jgħidu li dan jista’ jkun għada stess.
Illum fit-3pm, il-waqfien mill-ġlied hu mistenna jibda, filwaqt li l-Iżrael se jħallu 400 trakk bl-għajnuna umanitarja jidħlu f’Gaza kuljum, filwaqt li nhar it-Tnejn il-Hamas se jeħilsu 20 ostaġġi Iżraeljani… minkejja li l-Hamas għadhom ma rċevewx il-lista finali tal-priġuniera Palestinjani li mistennija jinħelsu.
//= $special ?>