Internazzjonali

Eluf ta’ Palestinjani lura lejn it-tramuntana ta’ Gaza

Eluf ta’ Palestinjani bdew jirritornaw lejn in-naħa ta’ fuq tal-Medda ta’ Gaza hekk kif daħal fis-seħħ qbil għal waqfien mill-ġlied, li ġie ffirmat s-Sibt bil-għan li jnaqqas il-vjolenza u jippermetti skambju ta’ ostaggi u priġunieri.

Il-militar Iżraeljan iddikjara li temm l-ewwel fażi ta’ operazzjonijiet li kellhom l-għan li jneħħu l-armamenti miż-żona ta’ Gaza. Bħala parti mill-ftehim, il-moviment Hamas għandu sa nofsinhar tat-Tnejn biex jeħles l-ostaġġi Iżraeljani.

Min-naħa tiegħu, Iżrael mistenni jirrilaxxa madwar 250 priġunier Palestinjan li bħalissa qed iservu sentenza ta’ għomor il-ħabs, flimkien ma’ 1,700 Palestinjan addizzjonali. Dan l-iskambju għandu jservi bħala prova ta’ fiduċja bejn iż-żewġ naħat, minkejja li r-riskju ta’  ġlied jibqa’ preżenti jekk jitqies li nkisru l-kundizzjonijiet tal-ftehim.

Minkejja s-sens ta’ serħan il-moħħ, il-qagħda umanitarja f’Gaza tibqa’ waħda gravi. Ħafna mill-familji li rritornaw lejn djarhom sabuhom kompletament meqruda jew mhux abitabbli, bi nuqqas ta’ ilma, elettriku, u provvisti essenzjali. L-aġenziji internazzjonali qed jitolbu aċċess sigur biex idaħħlu għajnuna b’urġenza, fosthom mediċini, ikel u ilma.

B’reazzjoni għall-ftehim, l-Istati Uniti ħabbret li sa 200 suldat Amerikan se jiġu trasferiti lejn l-Iżrael biex jgħinu fil-monitoraġġ tal-waqfien mill-ġlied. Dawn is-suldati, li diġà huma stazzjonati fil-Lvant Nofsani, se jkunu parti minn task force multinazzjonali mmexxija mill-Kmand Ċentrali tal-Istati Uniti (Centcom). Din il-task force se topera bħala ċentru ta’ koordinazzjoni ċivili-militari u x’aktarx tinkludi rappreżentanti mill-Eġittu, il-Qatar, it-Turkija u l-UAE.

Skont uffiċjali Amerikani, il-forzi Amerikani mhux se jidħlu f’Gaza. Minflok, lir-rwol tagħhom se jkun li jintegraw u jikkoordinaw l-operazzjonijiet umanitarji u s-sorveljanza tal-ftehim permezz ta’ Ċentru ta’ Kontroll Konġunt li se jkun ibbażat fl-Iżrael.

Fl-istess ħin, ir-ritorn ta’ ostaggi lejn il-Belt ta’ Gaza qed jiżvela l-qerda kbira kkawżata mill-kunflitt. Skont analiżi ta’ immaġini bis-satellita minn riċerkaturi fl-Università Statali ta’ Oregon, il’ fuq minn mija u sigħin elf binja fil-Medda ta’ Gaza huma maħsuba li ġarrbu ħsara minn Ottubru 2023 ‘l hawn. Il-Belt ta’ Gaza hija fost l-iktar żoni milquta, b’erbgħa u sebgħin fil-mija tal-bini stmat li ġarrab ħsara sinifikanti.