“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu favur il-poplu Malti u Għawdxi għaliex bħalissa l-Partit Laburista jinsabu fi stat ta’ paniku. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun Gvern alternattiv b’saħħtu.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt li kien qed jindirizza Assemblea Reġjonali li saret fis-sub headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, Għawdex fejn kompla jwassal il-viżjoni tiegħu għall-pajjiżna.
Alex Borg qal li l-ewwel xahar tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista kien wieħed ferm impenjattiv b’kuntatt kontinwu u dirett man-nies. Dan filwaqt illi saħaq li qatt m’għandna ninsew l-għeruq tagħna għaliex hekk biss jista’ jkun hemm ħidma effettiva għall-ġid ta’ pajjiżna.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello aċċenna fuq l-importanza tal-għaqda dan filwaqt illi qal li qed jidher biċ-ċar li l-messagġ qawwi u ċar tal-Partit Nazzjonalista qed iwassal għat-tiġdid. Huwa qal ukoll li l-Assemblea Reġjonali issarraf f’opportunita biex in-nies jgħidu x’ħidma jixtiequ jaraw f’Malta u Għawdex.
Ix-Shadow Minister għall-Għawdex Chris Said tkellem fuq ix-xahar li Alex Borg ilu Kap tal-Partit Nazzjonalista fejn qal li qed jidher biċ-ċar li qed jirrenja l-entużjażmu. Huwa spjega wkoll li l-Partit Laburista jinsab f’paniku u qed jieħu kull opportunita biex jattakka l-ħidma tal-Partit Nazzjonalista – ħidma li qed issir fl-interess tal-poplu.
Intant, preżenti għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u Sarah kien hemm ukoll ix-Shadow Minister Bernice Bonello, numru ta’ kandidati f’isem il-PN fuq Għawdex kif ukoll numru ta’ attivisti.
//= $special ?>