Għawdex Lokali

“Il-PN irid jissalvagwardja l-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex” – Alex Borg f’laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex

“Irridu nisfruttaw aħjar il-potenzjal ta’ Għawdex u ninvestu fih biex ikun verament destinazzjoni ta’ kwalità u għall-Partit Nazzjonalista Għawdex se jibqa’ prijorita.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt laqgħa li kellu s-Sibt waranofsinhar mal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija fejn wassal il-viżjoni tiegħu għall-Gżira Għawdxija fost l-oħrajn investiment serju fl-infrastruttura kif ukoll investiment fi flotta ġdida ta’ vapuri.

B’rabta mal-kostruzzjoni l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għal darb’oħra sostna li ma jridx torrijiet f’Għawdex u kien għalhekk li pprona sky-line policy bil-għan li l-karatteristiċi uniċi ta’ Għawdex ikunu ssalvagwardjati dan apparti li jiġi rregolat kif qed jinbena l-bini.

Dan apparti li saħaq fuq l-importanza li jkun hawn investiment fi flotta ġdida ta’ vapuri sabiex titjieb il-konnettivita bejn iż-żewġ gżejjer. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li nistgħu nisfruttaw il-gastronomija, snajja u kultura f’Għawdex sabiex nattiraw turisti ta’ kwalita.

Minn naħa tagħha l-Kamra tan-Negozju Għawdxija ppreżentat id-dokument ta’ qabel il-Budget filwaqt li spjegat li l-proposti huma bbażati fuq tliet pilastri li huma l-konnettivita, diversifikazzjoni u l-investiment fin-nies. Dan filwaqt li saħqet fuq l-importanza li jkun hawn investiment serju fil-Port tal-Imġarr kif ukoll fil-vapuri għaliex għal din l-għaqda l-konnettivita hija prijorita.

F’kummenti ma’ Net News il-President tal-Kamra tal-Kummerċ t’Għawdex Michael Galea spjega kif ġew imfasslin il-proposti kif ukoll aċċenna fuq l-importanza li tissaħħaħ il-konnettivita bejn Malta u Għawdex.

Intant, għal din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg kien akkumpanjat mix-Shadow Ministers Robert Cutajar u Ivan Castillo.