Il-Partit Nazzjonalista jesprimi tħassib dwar tender li ħareġ il-Gvern u li fih kundizzjonijiet strambi u mhux ġustifikati.
Il-PN jiġbed l-attenzjoni dwar il-kundizzjonijiet elenkati fit-tender pubbliku ‘Tender CT2000/2025′ għall-kiri ta’ 62 vettura ‘plug-in hybrid’ għall-użu mill-membri tal-ġudikatura, li kien ippubblikat fl-aħħar jiem mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Toni Bezzina ix-Shadow Minister għat-Trasport, l-Agrikoltura u s-Sajd, fi stqarrija spjega li l-Bord tal-Aġġudikazzjoni, fin-nota ta’ rakkomandazzjoni tiegħu, irrakkomanda li dan it-tender jingħata lill-ogħla offerta li tammonta għal €5,996,950 mingħajr VAT. Dan minkejja li kien hemm offerti għal prezz irħas, li ġew imwarrba.
Dan sar għaliex, skont dan il-Bord, din l-offerta kienet l-unika waħda li tosserva l-kundizzjoni li l-kuntrattur irid ikun għamel dħul annwali ta’ mill-inqas €1,000,000 minn kuntratt wieħed għal sentejn konsekuttivi.
Tali kundizzjoni mhix waħda raġjonevoli u proporzjonata, kif innutat l-Malta Vehicle Rental and Leasing Association fi stqarrija. Din il-kundizzjoni għamlitha impossibbli għal operaturi Maltin biex jikkompetu għal dan il-kuntratt, bil-konsegwenza li ntgħażel l-ogħla prezz għal kuntratt li se jħallsu għalih il-Maltin u l-Għawdxin mit-taxxi tagħhom.
L-istess assoċjazzjoni qajmet dubji dwar ir-raġuni għalfejn ġiet imposta b’mod arbitrarju kundizzjoni bħal din, u spjegat li r-rekwiżit ta’ miljun ewro f’turnover annwali marbut ma’ kuntratt wieħed huwa sproporzjonat fil-kuntest tas-suq Malti – xi ħaġa li hija prattikament impossibbli, tant li dan wassal biex l-ebda operatur Malti ma seta’ jikkwalifika minkejja li f’pajjiżna għandna operaturi ta’ esperjenza f’dan is-settur.
Qalet ukoll li dan il-każ jista’ jwassal ukoll biex jimmina l-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess tal-public procurement.
Huwa prinċipju msejjes saħansitra fil-liġi Ewropea (Directive 2014/24/EU) li entitajiet governattivi għandhom jassiguraw li l-kundizzjonijiet li jimponu f’kuntratti pubbliċi għandhom ikunu raġjonevoli u ġustifikati biex ma jkunx imxekkel il-prinċipju tal-kompetizzjoni ġusta.
Il-PN għaldaqstant qiegħed isejjaħ għal reviżjoni independenti ta’ dan it-tender biex ikun assigurat li jkun hemm proċess li jitmexxa b’mod trasparenti u ġust għall-partijiet kollha interessati.
//= $special ?>