Il-proċeduri quddiem il-Qorti dwar l-iffriżar tal-assi fil-każ tal-inkjesta Vitals komplew, iżda ġew imfixkla minn problemi serji ta’ konnettività waqt ix-xhieda ta’ wieħed mill-esperti li kien qed jixhed bil-‘video conference’. Dan wassal biex l-avukati tal-partijiet li fetħu l-kawża ilmentaw b’mod qawwi mal-Qorti dwar il-mod kif kienet qed tixxandar ix-xhieda tiegħu.
L-espert Kenneth David Churchill, li ngħata konċessjoni biex ma jkollux għalfejn jiġi Malta, kellu konnessjoni tant ħażina li ma kien qed jinftiehem xejn waqt ix-xhieda tiegħu. Minkejja li l-Imħallef Edwina Grima talbitu jibdel il-post fid-dar sabiex isib sinjal aħjar, il-problemi baqgħu jippersistu tul is-seduta.
L-avukati tal-partijiet esprimew il-frustrazzjoni tagħhom, isostnu li ma kienx aċċettabbli li espert li tħallas madwar terz ta’ miljun ewro ma ġiex Malta biex jixhed u issa lanqas ma setgħu jisimgħu b’mod ċar ix-xhieda tiegħu. L-Imħallef Grima rrimarkat b’mod sarkastiku li “proċeduri li suppost kienu jieħdu sebat ijiem, se jkunu ħadu seba’ snin.”
Meta Churchill temm ix-xhieda tiegħu, l-Imħallef wissietu li jekk ikun hemm bżonn jerġa’ jixhed, għandu jiżgura li jkollu konnettività xierqa.
F’din l-istess seduta xehed ukoll l-espert Roger Trotter, li qal li qatt ma għamel analiżi tad-dejta li ġabar u li ma kellu l-ebda involviment fid-determinazzjoni tas-somom tal-flus li ġew iffriżati.
Aktar tard, l-Imħallef Grima qalet li l-espert Barry O’Donnell kien informa lill-Qorti li ma kellu l-ebda sehem fir-rapport imħejji minn Jeremy Harbinson, u għalhekk l-avukati tal-partijiet li fetħu l-kawża qalu li ma kienx hemm bżonn li jixhed. Madankollu, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali insista li xorta waħda għandu jixhed, bil-Qorti tistaqsi għaliex kien hemm bżonn jinħela l-ħin.
L-Imħallef żiedet tgħid ukoll li ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt mal-esperta Jill Kennedy. Is-seduta, li bdiet ħamsin minuta tard minħabba problemi tekniċi fl-awla oriġinali, kellha ssir f’awla oħra biex ikun jista’ jsir kuntatt mal-esperti.
//= $special ?>