Opinjoni

OPINJONI: Ringrazzjament lil kull min fehem il-messaġġ

Is-sala f’Ħ’Attard fejn saret it-tnedija tal-ktieb ilbieraħ
Dan hu proġett eċitanti li ma jgħoddx għal min jaqta’ qalbu. Dan hu proġett fejn qalbna tħabbat fl-istess ħin. Dan hu proġett komuni għal min irid il-ġid lil pajjiżna.

Ivan Bartolo
Shadow Minister
għall-Akkomodazzjoni Soċjali
u Affordabbli, il-Ġlieda Kontra
l-Faqar u s-Solitudni

Matul il-jumejn li għaddew, ma ċċelebrajniex biss ktieb, imma ppreżentajna viżjoni. Viżjoni ta’ Malta li tħares ’il quddiem, imma li ma tħalli lil ħadd warajha. Dan il-ktieb ma nqalax minn xi skrivanija fl-uffiċċju, iżda minn art ħajja, mid-djar tal-familji li żort, mit-toroq li terraqt biex niltaqa’ ma’ kulħadd, mill-karbiet tal-fqar u tal-emarġinati, u mill-Food Bank li waqqaft biex nagħti ftit tama lil min tilef kollox.

Tkellimt ma’ nisa u rgiel li jissieltu kuljum biex jgħajxu lill-familji tagħhom, ma’ żgħażagħ, ġuvintur u tfajliet li jridu jibnu l-futur tagħhom. Fittixt kemm flaħt bnedmin li huma inviżibbli fis-solitudni tagħhom. Tfajt widnejja mal-art sakemm ħassejt l-uġigħ tagħhom ikellimni.

Konvinzjoni soda

Minn dawn il-laqgħat u l-inkontri kollha twieldet fija konvinzjoni soda: li l-politika soċjali trid tibda billi tisma’, tifhem u tħoss il-bniedem. Għalhekk b’sens ta’ responsabbiltà u b’viżjoni ċara, fittixt u ġibt spalla ma’ spalla miegħi 35 professjonist minn oqsma differenti – esperti kompetenti li qasmu l-għarfien tagħhom biex flimkien insawru dan il-proġett soċjali.

Dawn il-kontributuri, flimkien ma’ oħrajn, huma xhieda ċara li f’pajjiżna hawn bnedmin b’qalb kbira, ta’ kompetenza u ta’ rieda. Flimkien magħhom ħallejna l-vuċi tan-nies tkun ir-ruħ li tiggwidana.

Għaliex din il-ġabra ta’ ħsibijiet, ’Il Quddiem b’Dinjità hija frott ta’ ħidma kollettiva mmexxija minn missjoni waħda: li kull bniedem f’Malta u Għawdex jgħix ħajja b’dinjità. F’dan il-proġett, il-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tagħna. Mhux statistika, mhux numru, imma bniedem, iva quddiemna għandna uman, uman li jfisser dinja! Bnedmin li bħalissa jinsabu qishom fi skutella mimlija ilma – jitħabtu biex ma jegħrqux, u xorta ma jsibux fuq xiex jistrieħu. Issa t-tnedija għaddiet, u l-ħidma tibda hawn:–

’Il Quddiem b’Dinjità jrid ikun kumpass morali bażat fuq valuri umani u li jgħożżu l-ħajja – li jgħinna nilħqu lil kull min għandu bżonn – b’fiduċja sħiħa li aħna, bħala soċjetà, kapaċi nagħmlu aktar, u nagħmlu aħjar… dak li fl-aħħar mill-aħħar huwa dover tagħna. L-għan tagħna forsi mhux sempliċi imma bla dubju doveruż.

Ħarsitna lejn il-ġustizzja soċjali

Permezz ta’ din l-antoloġija rridu li kull deċiżjoni politika tħares lejn il-ġustizzja soċjali. Li kull ċittadin ikollu ċ-ċans jgħix ħajja b’dinjità – b’impieg li jħallas tajjeb, bi djar li wieħed jiflaħ jixtri jew jikri, b’opportunitajiet li ma jħarsu lejn ħadd bħala piż imma aktar bħala sieħeb fil-ġid komuni.

Din l-antoloġija hija stedina għar-riflessjoni. Mhux biss għal min iħejji programmi u manifesti politiċi, imma għal kull min għandu għal qalbu l-ġid komuni tas-soċjetà. Jekk irridu li l-ekonomija tikber b’mod li jħossha kulħadd, irridu nibdew b’dawn il-prinċipji: solidarjetà, ġustizzja, u rispett lejn kull uman.

Jien u dawk ta’ madwari poġġejna lill-bniedem fl-attenzjoni kollha tagħna. Poġġejna lill-bniedem qabel dak li jemmen fih. Irrilevanti jekk iħaddanx l-istess politika tagħna. Irrelevanti jekk jaraniex fi stampa tajba. Poġġejna d-dinjità tiegħu qabel kull domma.

Ipprovdejna paġni li fihom x’tixtarr, bi wħud mill-paġni fihom sinjali ta’ twissija. Enfasizzajna fuq politika meħtieġa, fuq riformi u tmexxija li twassal għal bidla li tħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja tal-bnedmin. Nistgħu naslu… dak li qed nipproponu jista’ jseħħ. Kulma neħtieġu rieda politika. Fid-daqs ċkejken tal-gżira tagħna sar ħafna u ħafna ġid, imma fil-limitazzjonijiet tagħna hemm ukoll opportunitajiet li jistgħu jinbidlu f’iformi. Nirrepeti, kulma neħtieġu rieda politika tajba biex nindirizzaw l-isfidi soċjali tal-lum.

Bosta huma dawk li bħalna jemmnu li nistgħu nimxu ’l quddiem b’dinjità, biex inħarsu lejn dawn il-kitbiet u nagħmluhom tagħna, biex fl-aħħar mill-aħħar ikunu parti mit-trasformazzjoni li hemm bżonn.

Sistema ta’ appoġġ soċjali

Punt ieħor importanti li ħriġna matul dawn il-jumejn li għaddew hu li noħolqu sistema ta’ appoġġ soċjali li tkun flessibbli u twieġeb għal ħtiġijiet kumplessi ta’ individwi u familji vulnerabbli.

Fuq kollox irridu nirrikonoxxu u ngħinu lil dawk l-ngo’s li jappoġġjaw familji, jinvestu fit-tfal milquta minn forom differenti ta’ trawmiet, biex jagħtu l-ħiliet lill-professjonisti sabiex dawn joffru interventi f’waqthom u personalizzati. Dak li sejrin nippreżentaw jinkludu mekkaniżmi ta’ assistenza finanzjarja ġusta, tisħiħ tas-servizzi bażati fuq il-komunità, u mudelli preventivi li jafu jsawru sistema ta’ welfare aktar ekwa u effikaċi għal kulħadd, l-aktar bi preferenza ta’ dawk li għadhom jissieltu biex jitilgħu mill-iskutella tal-abbandunati.

Dan hu proġett eċitanti li ma jgħoddx għal min jaqta’ qalbu. Dan hu proġett fejn qalbna tħabbat fl-istess ħin. Dan hu proġett komuni għal min irid il-ġid lil pajjiżna.  

Għax bnedmin ta’ rieda tajba jridu li t-tkabbir ekonomiku jintlaħaq minn kulħadd.

Dan hu interess li jġibna flimkien, din hi avventura li għandu jirkeb fuqha kull min għalih il-bniedem ġo skutella abbandunata jfisser dinja!

Kull min hu interessat biex jikseb kopja tal-ktieb għandu jċempel 77480241.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tas-Sibt 11 ta’ Ottubru, 2025.