Lokali

“Qed nibnu pedamenti sodi sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jimxi ’l quddiem u jissaħħaħ” – Sabine Agius Cabourdin

“Qed nibnu pedamenti sodi sabiex il-Partit Nazzjonalista jkompli jimxi ’l quddiem u jissaħħaħ”Dan qalitu Sabine Agius Cabourdin, is-CEO tal-Partit Nazzjonalista, f’intervista mal-preżentatur Andrew Azzopardi, hekk kif tkelmet dwar id-direzzjoni li l-Partit Nazzjonalista daħal għalija taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg, waħda mimlija enerġija u ħeġġa.

Hija spjegat li bħalissa għaddej xogħol intensiv fuq livell strutturali sabiex il-Partit Nazzjonalista jinbena mill-ġdid internament, u inkomplu nibnu fuq l-mewġa ta’ entużjażmu li ġab miegħu l-Kap ġdid tal-PN Alex Borg.

Hija fakkret li l-entużjażmu mhux biżżejjed jekk ma jkunx imsaħħaħ minn strutturi effettivi li kapaċi jwasslu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista b’mod aktar organizzatt u modern.

Fir-rigward tal-funzjoni tagħha, Agius Cabourdin kienet ċara ħafna meta saħqet li l-kariga tagħha hija purament amministrattiva u mhux politika. Hija sostniet li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna potenzjal u ħafna assi li jistgħu jiġu riorganizzati aħjar u b’hekk il-Partit ikompli jisaħħaħ.

F’dan il-kuntest, Agius Cabourdin insistiet ukoll li skont dak li wiegħed Alex Borg matul il-kampanja tiegħu, fi żmien 100 jum mit-tluq tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se jiġu ppubblikati l-accounts kollha tal-partit. Din hija wegħda konkreta lejn aktar trasparenza u serjetà fit-tmexxija, qalet Agius Cabourdin, u żiedet tgħid li dan huwa sinjal ta’ tmexxija responsabbli li verament ħaqqu l-poplu Malti u Għawdxi.

Waqt l-istess intervista, hija għamlet referenza għall-pożizzjoni tal-PN fuq il-kwistjoni tal-iżvilupp f’pajjiżna, fejn insistiet li l-PN mhux kontra l-iżvilupp. Iżda jemmen f’iżvilupp li jkun aktar sostenibbli, b’bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien tal-kwalità tal-ħajja tan-nies u tal-ambjent.

Lejn tmiem l-intervista, Agius Cabourdin saħqet ukoll fuq id-differenza ċara li qed iġib miegħu l-Kap il-ġdid tal-PN Alex Borg, fejn insitiet li Borg jisma’ tassew lin-nies, u bl-umiltà tiegħu qed jaddota stil ġdid u frisk  ibbażat fuq rispett, serjetà u sens ta’ missjoni.

Agius Cabourdin tenniet li l-Partit Nazzjonalista mhux biss qed jerġa’ jqum fuq saqajh u joffri tama’ ġdida lill-poplu Malti u Għawdxi, iżda se jkun Gvern alternattiv serju, li kapaċi jmexxi ’l Malta ’l quddiem b’responsabbiltà u b’rispett lejn iċ-ċittadini.