Futbol Sport

Steve Borg sfortunat tassew… iweġġa’ l-hamstring lejlet l-aħħar logħba tiegħu ma’ Malta

Steve Borg
Steve Borg

Dik li għada kellha tkun l-aħħar partita ta’ Steve Borg mat-tim nazzjonali Malti, fl-aħħar sigħat inbidel kollox. Il-captain tat-tim nazzjonali Malti, wara li kien preżenti għall-konferenza stampa flimkien mal-kowċ Emilio De Leo, ħass il-hamstring fis-sessjoni ta’ taħriġ tal-lejla, u kelli jieqaf ħesrem.

Borg, li għada kien se jibda mil-ewwel minuta kontra l-Bożinja u Herżegovina, f’dik li kellha tkun il-partita li trodd ħajr lill-plejer ta’ Valletta li għandu 37 sena, għas-servizz li ta lit-tim nazzjonali Malti tul dawn l-aħħar 14-il sena, issa mhux se tkun qed tintlagħab mid-difensur ċentrali.

Hu mifhum li din l-aħħar partita ma’ Malta se tibqa’ ma tintlagħab qatt għaliex wara l-ogħla uffiċjali tal-MFA tkelmu mal-plejer, ittieħdet id-deċiżjoni li dak li kien ippjanat li jseħħ għada, ċioé jkun ċerimonja qasira fejn il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo jagħmel presentazzjoni b’tifkirka sinifikanti lill-plejer li tirrikonoxxi l-apprezzamment tal-kontribut li Borg f’81 partita ma’ Malta, se jibqa’ fis-seħħ. L-unika differenza se tkun li Borg mhux se jkollu ċ-ċans jilgħab it-82 partita internazzjonali tiegħu kontra l-Bożnija u Ħerżegovina.

Tassew ħasra għal wieħed mil-plejers li f’dawn l-aħħar snin kien wieħed mill-aqwa tat-tim nazzjonali Malti u kien jimmeritaħ bil-wisq itemm il-karriera internazzjonali tiegħu ma’ Malta, bl-aħħar dehra tiegħu fil-pitch.