Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, ġewwa MonteKristo Estates, saret għall-ewwel darba Fiera Żwiemel, avveniment organizzat minn EquestriMalta, bl-għan li jippromwovi u jressaq eqreb lejn il-pubbliku l-kultura u l-isport taż-żwiemel f’Malta.
L-attività attirat numru sostanzjali ta’ familji, dilettanti u professjonisti tal-qasam ekwestri, u kienet karatterizzata minn atmosfera ferriħija u edukattiva li għaqqdet tradizzjoni, sport u arti taż-żwiemel.
Tul iż-żewġ ijiem, il-viżitaturi gawdew programm estensiv ta’ attivitajiet u esebizzjonijiet relatati mal-isport taż-żwiemel. Fost l-attrazzjonijiet ewlenin kien hemm dimostrazzjonijiet sportivi bil-parteċipazzjoni ta’ skejjel ta’ tagħlim ekwestri, kif ukoll logħob tal-polo b’għażla ta’ plejers miż-żewġ klabbs ewlenin fil-pajjiż – il-Malta Polo Club u l-Island Polo Club.
Il-fiera offriet ukoll diversi stands tematiċi, fejn ġew esebiti u mibjugħa prodotti, ħwejjeġ u oġġetti artistiċi marbuta maż-żwiemel, filwaqt li oħrajn servew bħala spazju ta’ tagħlim u skambju ta’ esperjenzi professjonali.
Kien hemm ukoll esenizzjonijiet u wirjiet varji, fejn spikkaw karozzelli tradizzjonali, żwiemel b’abbiltajiet differenti u spettakli sinkronizzati mal-mużika, esperjenzi kulturali u ohrajn, li taw lill-pubbliku esperjenza kulturali u viżiva ta’ livell għoli.
Attrazzjoni interessanti kienet sezzjoni ddedikata għas-simulaturi tal-polo, li ġew introdotti għall-ewwel darba f’Malta, kif ukoll iż-żona għall-ponijiet għat-tfal, li żiedet element familjari u edukattiv mal-fiera.

Fil-jum tal-Ħadd filgħodu sar ukoll it-tberik tradizzjonali taż-żwiemel, ċerimonja antika li ġibdet interess kbir mill-pubbliku u li tfakkar fil-konnessjoni storika bejn il-bniedem u dan l-annimal nobbli. Segwietha wirja ta’ karrettuni u inġenji antiki, li tenfasizza l-wirt kulturali u tekniku marbut maż-żwiemel fil-passat.
Id-dħul għall-Fiera Żwiemel kien b’xejn, u l-parteċipanti kollha ħadu sehem fuq bażi volontarja. EquestriMalta ħadet ħsieb tkopri l-ispejjeż kollha tal-avveniment, bħala parti mill-missjoni tagħha li tkompli tappoġġja u tippromwovi l-isport ekwestri f’Malta, filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda għal żvilupp, taħriġ u kollaborazzjoni bejn l-entitajiet lokali.
Din l-ewwel edizzjoni ta’ Fiera Żwiemel maħsuba bħala attività annwali, ġiet milqugħa tajjeb mill-pubbliku u mill-parteċipanti, u mistennija tkompli tikber fil-verżjonijiet futuri tagħha, bħala pjattaforma li tgħaqqad sport, tradizzjoni u komunità taħt saqaf wieħed.
//= $special ?>