Internazzjonali

Wara diżgwid Trump jhedded liċ-Ċina bit-tariffi  

Il-President Amerikan Donald Trump hedded li mill-1 ta’ Novembru, jew saħansitra qabel, l-Istati Uniti se timponi tariffi ta’ 100% fuq l-importazzjonijiet kollha miċ-Ċina. Dan wara li ċ-Ċina ħabbret li se tillimita l-esportazzjonijiet ta’ materjali rari għall-produzzjoni ta’ magni tal-ajruplani, sistemi militari, u vetturi elettriċi.

Trump qal li r-restrizzjonijiet Ċiniżi huma att ostili, u wiegħed li se jnaqqas ukoll l-esportazzjoni ta’ software Amerikan b’użu strateġiku. Iċ-Ċina, li tipproċessa 90% tal-materjali rari fid-dinja, se tobbliga approvazzjonijiet speċjali għal kull esportazzjoni.

Fid-dawl ta’ din l-eskalazzjoni, il-laqgħa ppjanata bejn Trump u l-President Xi Jinping fil-Korea t’Isfel tista’ tiġi kkanċellata. Dan filwaqt li l-indiċi internazzjonali ħadu daqqa l-isfel fosthom S&P 500 li niżlet b’2.7%.