Internazzjonali

David Agius b’appell lill-Commonwealth biex jippromwovi l-paċi f’Gaza u l-Ukrajna

Id-Deputat Speaker David Agius appella lill-Commonwealth biex jieħu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-paċi u l-istabbiltà f’Gaża u l-Ukrajna.

Waqt id-diskors tiegħu, fl-Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Parlamentari tal-Commonwealth f’Barbados, Agius ħeġġeġ lill-parlamentari fil-Commonwealth – li jirrappreżentaw terz tal-popolazzjoni tad-dinja – biex “iqumu u jaġixxu” għall-kunflitti globali li qed iseħħu.

David Agius tenna, Il-Commonwealth illum għandu jkun il-vuċi tal-paċi u l-istabbiltà f’Gaża, fl-Ukrajna u f’partijiet oħra tad-dinja li sfaw maħkuma minn gwerer u kunflitti devastanti.”.

Huwa laqa’ l-iżviluppi pożittivi fl-isforzi biex jintlaħaq waqfien mill-ġlied f’Gaża u biex jinħelsu l-ostaġġi. Fi kliemu, Agius, iddeskriva dawn il-passi bħala “bidu ta’ paċi dejjiema u sostenibbli f’Gaża u l-Lvant Nofsani”.

Agius ħeġġeġ ukoll l-appoġġ internazzjonali għall-proċess ta’ paċi f’Gaża, u enfasizza li dan għandu jwassal għal soluzzjoni ta’ żewġ stati “fejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani jgħixu id f’id fil-paċi”.