Internazzjonali

Franza: Spinta disprata lejn il-finalizzazzjoni tal-baġit

Il-Gvern ta’ Franza, fil-jiem li ġejjin, se jkun qed jagħti spinta finali biex iressaq il-baġit nazzjonali qabel l-aħħar tas-sena… Dan se jkun fost id-diversi tragwardi ewlenin u diffiċli li qed jiffaċċja Sébastien Lecornu wara li hu, mill-ġdid, kien fdat bir-responsabbiltajiet ta’ Prim Ministru fuq deċiżjoni tal-President Franċiż, Emmanuel Macron.

Lecornu, li kien irriżenja minn Prim Ministru fil-bidu tax-xahar, qed jirritorna fix-xena b’sorpriża wara li, proprju jiem ilu, kien insista li ‘spiċċat il-missjoni tiegħu f’dan ir-rwol’. Hu, issa qed jappella biex l-entitajiet kollha rappreżentati fil-Parlament iwarrbu d-differenzi partiġġjani għall-ġid tal-pajjiż li ilu x-xhur għaddej minn kriżi politika.

Fl-istess ħin, mhux ċert kemm Lecornu, fil-fatt, se jirnexxilu jifforma Gvern anqas ostili għalih… Madankollu, hu se jkollu jimpenja ruħu bis-sħiħ biex jegħleb lid-diversi ostakli quddiemu….Dan b’mod partikulari peress li l-Prim Ministru, illum it-Tnejn, qed jiffaċċja deadline biex iressaq il-baġit tas-sena d-dieħla quddiem il-Parlament,.

L-Uffiċċju tal-President Macron, sadanittant, esprima fiduċja sħiħa f’Lecornu —  għalkemm ftit hemm dubju li d-deputati parlamentari li jirrappreżentaw lill-partiti radikali tal-lemin u x-xellug għandhom ikomplu jagħmlu l-ħajja diffiċli għall-Prim Ministru, li hu alleat kbir tal-President.

Macron anki qed jittama li Lecornu jirnexxilu jwassal għal stabbilità politika akbar, minbarra xi forom ta’ konsensus fl-Assemblea –peċjalment minħabba li r-riżenja inizjali ta’ Locornu kienet imfissra bħala umiljazzjoni ‘personali’ għall-President Franċiż.