Internazzjonali

Il-Messiku: Ifittxu għan-neqsin wara l-valangi

Is-servizzi għall-emerġenzi qed jagħmlu li jistgħu biex jinstabu numru sinifikanti ta’ persuni li għadhom rappurtati nieqsa wara li sensiela ta’ valangi kaxkru numru ta’ djar, vetturi u infrastruttura – inklużi l-ponot.

It-traġedja kienet dovuta għal għargħar kbir u meta issa hu konfermat li mietu bejn 30 u 40 persuna, biċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla sew matul il-ġranet li ġejjin.

Ix-xita qawwija li niżlet faqgħet ix-xmajjar waqt li z-zona ta’ Hidalgo, fil-lvant tal-Messiku, kienet fost l-agħar inħawi affettwati. Sadanittant, eluf ta’ djar inqerdu jew ġarrbu l-ħsarat, bit-toroq jinbidlu fi xmajjar u bl-ilma tkaxkar kwantità ta’ karozzi. Dan meta nqatgħu wkoll is-servizzi tad-dawl għal medda ta’ territorju.

Il-President tal-Messiku,Claudia Sheinbaum, fl-aħħar sigħat, qalet li l-Gvern tagħha bagħat l-eluf tal-ħaddiema għall-emerġenzi flimkien mas-suldati biex jgħinu lill-komunitajiet jikkonfrontaw aħjar din il-kriżi.