Lokali

“Il-PN se jkompli jfassal politika li verament tħoss il-polz tal-poplu kollu” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Ritratt: Martin Agius

“Il-poplu qed iħares lejn il-Partit Nazzjonalista bħala Gvern alternattiv b’saħħtu u għalhekk irridu nkomplu nfasslu politika li verament tħoss il-polz tal-poplu.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt li kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet tan-nies f’attività politika li saret il-Ħadd filgħodu quddiem id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kunsilleri f’isem il-PN F’Marsaskala Celine Camilleri qalet li s-servizzi mhumiex ilaħħqu u hemm bżonn soluzzjoni b’mod immedjat. Minn naħa tiegħu, Alex Borg qal li stħarriġ wara l-ieħor qed juri li l-popolazzjoni qed tkompli tiżdied u qed tħalli impatt negattiv fuq il-poplu – effett li ħoloq il-Partit Laburista meta kellu pjan li jisplodi l-popolazzjoni. Huwa spjega li dan sar mingħajr ebda investiment fl-infrastruttura u tisħiħ fis-servizzi.

Huwa fakkar ukoll li kien il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni li ġab lura l-isptarijiet iżda għaddew is-snin minn din il-kisba storika u l-Gvern ta’ Robert Abela m’għamel l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa u kaġun t’hekk mhumiex ilaħħqu mad-domanda bil-poplu qed jispiċċa jdum is-sigħat jistenna fl-Emerġenza.

Iż-żagħżugħ Hertian Cachia tkellem dwar il-ġustizzja fejn l-ewwel irringrazzja lill-ġudikatura għax-xogħol kollu li qegħdin jagħmlu. Dan apparti li saqsa dwar kif se jiġi ndirizzat dewmien biex dak li jkun issir ġustizzja miegħu kif ukoll in-nuqqas ta’ organizzazzjoni li hemm fil-Qrati preżentament.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li hija ħasra li saħansitra naraw il-Ministru tal-Ġustizzja jattakka lill-ġudikatura dan filwaqt li aċċenna li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja sħiħa fil-ġudikatura. Huwa fakkar li l-Gvern ta’ Robert Abela abbanduna l-wegħda li tinbena binja ġdida tal-Qorti f’Għawdex u saħaq il-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex din il-wegħda ssir realtà bil-għan li l-ġustizzja ssir b’mod aktar effiċjenti.

Iż-żagħżugħ Ryan Attard qal li bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jara entużjażmu kbir u enerġija ġdida dan filwaqt li saqsa kif se jkomplu jissaħħu l-Kumitati Sezzjonali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Alex Borg qal li mill-ġimgħa li ġejja se jibda jintaqa mal-Kumitati Sezzjonali bil-għan li jkunu jistagħu jsemmgħu leħinhom u jgħidu x’jixtiequ jaraw mill-Partit Nazzjonalista. Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-Kumitati Sezzjonali għandhom ikollhom irwol akbar milli jipparteċipaw fil-maratona u jieħdu ħsieb it-tesseri iżda saħaq li l-Kumitati għandhom ikollhom irwol politiku.

Il-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta Ylenia Montfort saqsiet x’viżjoni għandu Gvern Nazzjonalista biex il-Belt Kapitali terġa’ tilqa’ l-familji fiha .

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista li tinċentiva lill-first-time buyers li minflok jixtru appartament ġdid jixtru post vakanti bil-għan li anke jonqos l-iżvilupp esaġerat li hawn f’pajjiżna. Huwa spjega wkoll li l-Belt Valletta għandha tiġi reklamata b’mod separat bil-karatteristiċi uniċi li għandha.

Minn naħa tagħha Maria Sultana tkellmet dwar il-kriżi tat-traffiku tal-pajjiżna fejn hawn nies irridu jitilqu sa minn sagħtejn qabel jekk jagħmlu użu mit-trasport pubbliku. Hija saqsiet x’jista’ jsir sabiex ikun hemm tisħiħ fit-trasport pubbliku f’pajjiżna.

Alex Borg qal li primarjament il-kriżi tat-traffiku hija kaġun tan-nuqqas ta’ viżjoni minn naħa ta’ Gvern ta’ Robert Abela dan filwaqt li saħaq fuq il-bżonn li jkollna trasport tal-massa. Huwa spjega li huwa lest li jiddiskuti mal-Prim Ministru sabiex jiġi diskuss pjan effettiv għat-trasport tal-massa – pjan li jibqa għaddej anke f’każijiet jekk jinbidel il-Gvern.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer dan filwaqt li fakkar fil-proposta tal-Partit Nazzjonalista li jkun hawn investiment fi flotta ġdida ta’ vapuri. Huwa spjega li bħalissa għandna tliet vapuri li kienu viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u li issa ilhom joperaw għal xi 25 sena dan filwaqt li għandna vapur ieħor second class.

Intant, minn naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali Charles Bonello fakkar li matul il-ġimgħa d-dieħla l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġedded hekk kif se ssir l-elezzjoni tal-Eżekuttiv. Huwa fakkar li nhar il-Ħadd li ġej ikun hemm l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Ġenerali u ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jattendi.