Futbol Sport

In-nursery tal-futbol ta’ Żebbuġ Rangers b’ġest ta’ appoġġ mill-isbaħ mal-familja taċ-ċkejken Nathan

It-tfal tat-tim ta' taħt l-10 snin ta' Żebbuġ Rangers, libsin flokkijiet speċjali bir-ritratt tat-tarbija, Nathan.
It-tfal tat-tim ta' taħt l-10 snin ta' Żebbuġ Rangers, libsin flokkijiet speċjali bir-ritratt tat-tarbija, Nathan.

Din il-ġimgħa l-aħbar tal-mewta traġika tat-tarbija Nathan, serqet l-attenzjoni tal-media kollha.. L-aħbar kienet għafsa ta’ qalb kbira għal kulħadd, u fuq il-meżżi soċjali kien hemm sens qawwi ta’ solidarjetá lejn il-familjari kollha ta’ Nathan.

Il-bieraħ filgħodu, it-tfal tat-tim ta’ taħt l-10 snin ta’ Żebbuġ Rangers Youth Nursery, li magħhom jilgħab wieħed mill-aħwa ta’ Nathan, wetqu ġest mil-isbaħ. Huma kien imisshom jilgħabu logħna ta’ ħbiberija u t-tim Żebbuġi lagħab bi flokkijiet speċjali bir-ritratt tat-tarbija. Din kienet tislima sempliċi iżda sinifikanti minn sħab il-plejer, kowċis u ħbieb li din il-ġimgħa tilef lil ħuħ b’mod traġiku.

Fi stqarrija fuq il-media soċjali tan-nursery tal-futbol ta’ Żebbuġ Rangers, huma qalu li “illum, dan il-ġest kien ħafna aktar minn dak li sempliċiment joffri l-futbol. Żebbuġ Rangers FC Youth Nursery, m’aħniex biss post fejn it-tfal jitgħallmu kif jilgħabu l-futbol, iżda aħna komunità u familja. Nikbru flimkien, niċċelebraw flimkien, u nappoġġjaw lil xulxin fl-aktar mumenti diffiċli.”

L-istqarrija fuq il-meżżi soċjali żiedet tgħid li “lill-ġenituri u l-maħbubin ta’ Nathan, qlubna huma magħkom. L-ebda kliem ma jista’ jtaffi l-uġigħ tagħkom, imma kunu afu li l-familja tal-futbol tagħkom tinsab magħkom f’kull pass.”