Il-poplu ta’ Iżrael qed iħejji biex jilqa’ lura lill-ftit ostaġġi li għadhom miżmumin mit-terroristi tal-Ħamas…..Ostaġġi li ilhom aktar minn sentejn jeżistu qalb labirint ta’ mini taħt l-art ta’ Gaza u li ħafna minnhom, skont is-sorsi fl-inħawi, jinsabu kważi f’xifer il-mewt.
Mifhum li l-ostaġġi – li nħatfu waqt l-attakki storiċi tal-2023 mill-Ħamas fuq l-artijiet tal-Iżraeljani — jammontaw għal madwar 50 u li minnhom x’aktarx li nofshom biss għadhom ħajjin.
Il-ħelsien tal-ostaġġi se jkun possibbli grazzi għall-ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas, li kien sponsorjat mill-Istati Uniti. Taħt it-termini tal-ftehim, li daħal fis-seħħ nhar il-Ġimgħa, il-Ħamas għandhom sat-Tnejn f’nofsinar, biex jeħilsu lill-ostaġġi kollha mingħajr eċċezzjoni.
L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, tenna li ‘Iżrael jinsab ħerqan u lest biex jilqa’ lura lill-ostaġġi’.
Intant, il-Ħamas, għalissa, qed jinsisti għall-ħelsien ta’ seba’ priġunieri ta’ profil għoli u li wħud minnhom għandhom storja ta’ terroriżu warajhom.. Il-kelliema għall-Ħamas qalu li f’każ li Iżrael jaqbel biex jeħles imqar mit-tnejn minn dawn il-priġunieri, it-terroristi jkunu lesti biex jibdew il-proċess għall-ħelsien tal-ostaġġi anki qabel iż-żmien mistenni,.
Għalissa għad ma hemm l-ebda risposta minn Iżrael.
Intant, Iżrael hu marbut biex jeħles mal-250 priġunier Palestinjan u mal-1,700 residenti ta’ Gaza li qed jinżammu taħt arrest u li jinkludu anki numru ta’ tfal.
Bħalissa wkoll, għexieren ta’ trakkijiet mgħobbijin bl-għajnuna umanitarja qed jaqsmu lejn Gaza mill-aċċess ta’ Rafah, fl-Eġittu…Dan meta l-poplu Palestinjan jinsab fi stat akut ta’ ġuħ u malnutriżmu, bis-sitwazzjoni tagħhom tkun imfissra bħala mwiegħra.
Sadanittant, il-President Amerikan Donald Trump, li fl-aħħar jiem wettaq pressjoni kbira fuq Iżrael u l-Ħamas biex jaslu għal dan il-ftehim, qed iħejji biex, għada, jattendi summit internazzjonali għall-paċi fl-Eġittu….Summit li, għalih, se jkunu preżenti wkoll il-mexxejja ta’ diversi pajjiżi oħra.
//= $special ?>