Basketball Sport

John Tabone Shield Nisa: Betsson Depiro u Caffè Moak Luxol jibdew bir-rebħ

Ritratti: Elton Sant

Colin Schembri

Hibernians…………60

Betsson Depiro…..69

(16-14)(15-16)(12-19)(17-20)

Betsson Depiro fetħu l-istaġun tal-John Tabone Shield b’rebħa ta’ 69-60 fuq Hibernians, f’partita fejn kienu aktar konsistenti tul it-tieni taqsima. Minkejja bidu bilanċjat u sitt bidliet fil-vantaġġ, Depiro rnexxielhom idawru partita diffiċli grazzi għal rebounding superjuri (47 kontra 42) u konverżjoni aħjar fuq ġewwa (47% kontra 31%). Hibs żammew pass għal żmien twil permezz tal-effiċjenza ta’ Andie Saliba u r-rebounds ta’ Josephine Diaby, iżda ma setgħux jikkontrollaw il-momentum tat-tielet sessjoni meta Depiro wettqu run ta’ 14-2 u ħadu vantaġġ ta’ 11-il punt (58-47). Lovely Sonnier u Sophie Abela kienu kruċjali għal Depiro, b’kombinazzjoni ta’ 45 punt u 17 rebound, filwaqt li l-bank ta’ Depiro ta kontribut iktar mifrux.Hibernians kienu bl-istess formazzjoni ta’ ġimgħa ilhu fil-waqt li Depiro kellhom bidla waħda mill-finali tas-Super Cup fejn iż-żagħżugħa Ylenia Mangion tniżżlet għall-ewwel darba mal-ewwel team minflok Jasmine Mallia. Għal Hibs kien hemm il-punti minn Andie Saliba fl-ewwel ħinijiet għalkemm Depiro kellhom risposta fost l-oħrajn minn Sophie Abela u t-trippli ta’ Julia Borg Xerri u Nicole Agius. Hibs wieġbu bi trippla ta’ Josephine Diaby biex fis-sitt minuta Depiro kienu 12-8 minn fuq. Żewġ baskets minn Maria Bonett raw lil Hibs jagħmlu l-iskor indaqs 12-12 u kienet Saliba li poġġiethom fuq quddiem fl-aħħar minuta. Basket fuq kull naħa għalaq it-taqsima fuq skor ta’ 16-14. Fil-bidu tat-tieni perjodu, Depiro għamlu l-iskor indaqs però trippla minn Saliba reġgħat poġġiet lil Raħal Ġdid 4 minn fuq 23-19 f’nofs is-sessjoni. Ir-risposta ta’ Depiro ġiet minn żewġ trippli ta’ Abela u Lovely Sonnier però Saliba wkoll kellha trippla għal Hibs. Fl-aħħar minuta Borg Xerri tat il-vantaġġ lil Depiro iżda qabel intemmet it-taqsima Steffi De Martino għamlet l-ewwel basket tagħha biex Hibs daħlu jistrieħu 31-30 minn fuq.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin għalkemm Hibs dejjem żammew il-vantaġġ. Basket ta’ Diaby kabbar il-vantaġġ ta’ Hibs għal 3 punti fir-raba’ minuta bil-coach Julian Naudi jgħajjat it-tielet time-out tiegħu. Depiro rnexxielhom imorru fuq quddiem b’erbatax -il punt konsekuttiv ta’ Abela, Neve Borg, Borg Xerri u Samira Deguara.  Hibs waqqfu r-run permezz ta’ free-throws ta’ Macleod flimkien ma’ Saliba u Lecuyer però Depiro temmew il-perjodu 49-43 minn fuq. Fl-aħħar taqsima, Hibs tħabtu biex inaqqsu d-distakk però sabu lil Sonnier tikseb il-punti. Saliba wkoll kellha punti konsekuttivi għal Hibs però bil-punti ġejjin fuq kull naħa, il-vantaġġ ta’ Depiro baqa’ konsistenti. Lejn it-tmiem, Hibs ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ iżda Abela kkonvertiet il-free-throws biex Depiro ħadu r-rebħa fuq skor finali ta’ 69-60

Hibernians: L. Micallef 2, I. Agius, S. Lecuyer 2, A. Saliba 22, J. Abela, M. Bonett 6, S. De Martino 9, M. Marmara, N. Farrugia, H. Macleod 11, J. Diaby 8, K. Sammut.

Betsson Depiro: S. Abela 23, Y. Mangion, N. Agius 5, J. Borg Xerri 7, C. Privitera 2, A. Tollar Lopez 3, C. Fenech, N. Borg 2, L. Sonnier 22, S. Deguara 2, J. Borg Cardona 3, H. Farag.

Referees: Andre Attard, Jacques Siefert

Athleta………………………46

Caffè Moak Luxol…….82

(14-30)(12-13)(8-18)(12-19)

Caffe Moak Luxol bdew il-kampanja tagħhom fil-John Tabone Shield b’wirja dominanti kontra Athleta, fejn għelbuhom b’marġni ċar ta’ 82-46. Luxol ħadu l-kontroll mill-ewwel minuti b’pressjoni għolja li ġabet 37 punt minn turnovers u 27 fast break points, filwaqt li Athleta sabu diffikultà biex jorganizzaw l-attakk tagħhom (FG% ta’ 25%). L-Amerikana Olivia Wikstrom kienet protagonista assoluta b’38 punt u 21 rebound fid-debutt tagħha f’pajjiżna, appoġġjata mill-esperjenza ta’ Lisa u Sarah Fenech Pace. Luxol kienu effettivi kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, u b’run ta’ 13-0 lejn tmiem it-tielet sessjoni eliminaw kull tentattiv ta’ reazzjoni minn Athleta, li kellhom lil Izabelle Booth bħala l-aktar produttiva taħt il-boards.Luxol kellhom diversi players żgħażagħ flimkien mal-Amerikana Olivia Wikstrom u kienu mmexxija għal darb’oħra mill-coach Roderick Vella. Huma kellhom l-isfortuna li jitilfu lil Anna Fenech Pace b’injury serja li se żżomha ‘l bogħod mil-logħba għal diversi xhur. Kienu Luxol li kellhom l-aħjar bidu meta bdew bil-punti tal-Amerikana Wikstrom u t-trippli ta’ Lisa Fenech Pace u Jada Said għal skor ta’ 13-2. Wara time-out minn Adrian Baldacchino, Athleta bdew jidħlu aktar fil-logħba permezz tat-trippli ta’ Kaya Calleja u Izabelle Booth u fis-seba’ minuta kienu 11-19 minn taħt. Wikstrom għamlet trippla oħra għal Luxol qabel ma Nicole Vella u Booth reġgħu wieġbu għall-Athleta. Wikstrom però malajr irrispondiet għal Luxol b’seba’ punti konsekuttivi fosthom trippla biex huma temmew it-taqsima fuq quddiem 30-14. Fit-tieni perjodu, Athleta bdew bi break qasir ta’ 6-0 bil-punti ta’ Booth, Vella u Julia Schembri. Ir-risposta ta’ Luxol waslet minn Ella Abela u Vanya Baldacchino flimkien ma’ trippla ta’ Sarah Fenech Pace. Sa’ tmiem is-sessjoni Luxol komplew ikabbru l-vantaġġ grazzi għal L. Fenech Pace u Wikstrom biex daħlu jistrieħu 43-26 minn fuq.

Wara l-intervall kien hemm run oħra ta’ 12-2 minn Luxol fosthom il-punti tad-debuttanta żagħżugħa Eve Axisa. Basket ta’ Vella waqqfilhom ir-run però Abela u Baldacchino komplew bil-punti għal Luxol għal skor ta’ 61-32 fit-tmien minuta. It-taqsima għalqet b’erba punti oħra ta’ Baldacchino u Gwen Carabott għal Luxol għal skor ta’ 34-63. Fl-aħħar sessjoni kompla d-dominju tal-vjola b’run ta’ 17-4 minkejja r-rotazzjoni kontinwa ta’ Vella fejn utiliżża l-players kollha kontinwament. L-aħħar ħinjiet tal-partita servew biex Athleta jagħmlu l-aħħar sitt punti mingħajr risposta għal skor finali ta’ 46-82.

Athleta: E. Farrugia, J. Schembri 2, N. Vella 6, K. Calleja 8, E. Wauman 2, A. Micallef , K. Caruana 6, J. Micallef 3, I. Booth 15, K. Abela 2, L. Camilleri 2.

Caffè Moak Luxol: G. Carabott , K. Magro, E. Axisa 2, L. Fenech Pace 16, H. Galea, R. Fenech Pace, J. Said 3, E. Abela 2, S. Fenech Pace 9, O. Wikstrom 38, V. Baldacchino 6, S. Sciberras 4.

Referees: Miguel De Flavia, Nelson Da Silva.