Lokali

“L-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista huma ħajjin – mimlija tama ġdida u kbira” – Is-Segretarju Ġenerali tal-PN u l-Viċi Kap tal-PN

“L-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista huma ħajjin u enerġetiċi; tama ġdida, tama kbira, tama li qed tkattar ħidma sfieqa mimlija entużjażmu u għatx għal suċċess.”

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione li saħaq li l-messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi mhux biss irid jasal imma jissokta sabiex verament mhux biss il-PN jisma’ iżda jattwa u joffri soluzzjoni għal ħajja aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin.

Alex Perici Calascione saħaq li dawn l-aħħar ġimgħat kienu influwenti immens sabiex il-magna tal-Partit Nazzjonalista ssoktat bil-kbir f’attivita interna straordinarja.

Huwa sostna li l-ħidma qed iżżid kontinwament, b’interess ġdid – katina ta’ xogħol bejn il-voluntiera, kumitati sezzjonali u fergħat tal-partit.

Dan filwaqt li s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello sostna l-Partit Nazzjonalista u l-organizzazzjoni interna kull ma jmur qed titjieb fejn mhux biss għaddejja ħidma biex jiġi rivedut l-istatut iżda wkoll kif isir it-tqassim tat-tesseri u kif jistgħu jiffunzjonaw aħjar il-kumitati.

Huwa saħaq li kuljum qed isir tiġdid u ġurnata waħda oħra l-parteċipazzjoni ta’ aktar nies fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qed iżżid – b’attività mimlija pożittività u entużjażmu.

Charles Bonello sostna li dan mhux il-mument għal partit biss iżda għal pajjiżna filwaqt li appella lil dawk l-indeċiżi sabiex jagħmlu l-pass mingħajr biżgħa – pass sabiex jersqu ‘l quddiem u jagħtu sehem fi ħdan il-Partit Nazzjonalista għal ġid ta’ futur aħjar – mhux għan-Nazzjonalisti – iżda għal Maltin u l-Għawdxin.