Opinjoni

OPINJONI: Qed inwettqu ħidma politika sana b’enerġija u b’entużjażmu qawwija

Illum il-Partit Nazzjonalista jorganizza t-tielet Maratona Ġbir ta’ Fondi għal din is-sena... okkażjoni ferm importanti kemm għar-rigward tat-tisħiħ tal-finanzi tal-PN imma wkoll biex in-nies jiġu jżuruna fid-Dar Ċentrali

Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista

Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn mumenti ta’ ħidma kbira fuq kull livell bl-iskop li mhux biss ikompli t-tisħiħ imma li nwasslu bl-aħjar mod possibbli l-messaġġi tagħna lill-poplu Malti u Għawdxi.

Illum jum il-maratona
Fost l-oħrajn illum hu jum ferm importanti li fih qed norganizzaw it-tielet maratona ġbir ta’ fondi għal din is-sena. Dawn huma okkażjonijiet ferm importanti fejn il-Partit Nazzjonalista jirrikorri għand in-nies u jitlobhom jagħtu l-għajnuna finanzjarja tagħhom biex il-Partit ikun jista’ jissokta bil-ħidma ferm importanti tiegħu.
Dan hu impenn fejn il-Partit Nazzjonalista jrid li jkompli jissaħħaħ biex iwassal bl-aktar mod effettiv il-messaġġ tiegħu fid-djar tan-nies, fil-postijiet soċjali u tad-divertiment, fil-postijiet tax-xogħol, fit-toroq u fil-pjazez.
Filwaqt li l-Gvern Laburista għandu fonti infiniti u mezzi infiniti li juża biex iwassal in-narrattiva u r-retorika tiegħu, il-Partit Nazzjonalista jrid jirsisti u jistinka fuq kull livell biex ikun jista’ jwassal il-leħen tiegħu għand in-nies ħalli jkunu jafu aħjar x’inhu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista.
Għalhekk illum hu jum importanti fejn in-Nazzjonalisti u dawk kollha ta’ rieda tajba għandhom jilqgħu l-istedina tal-Partit Nazzjonalista u jikkontribwixxu bl-aħjar mod possibbli… flus u kontribuzzjonijiet li jmorru għat-tisħiħ tal-operat tal-Partit; għat-tisħiħ tal-midja tal-Partit li min-naħa tiegħu jilqa’ u japprezza ħafna dan l-impenn tal-Maltin u l-Għawdxin għaliex ikunu qegħdin juru li qed jifhmu dan l-impenn qawwi li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar; biex ikollna Malta ferm u ferm aħjar milli hi llum taħt Gvern Laburista li m’għandux viżjoni u li jidher biċ-ċar li jinsab fi stat ta’ għajja.
Barra min hekk il-ġurnata tal-lum toffri wkoll l-opportunità biex in-nies jiġu bi ħġarhom ħalli jżuru d-Dar Ċentrali li hi d-Dar naturali tagħna lkoll li għandna għal qalbna lill-Partit Nazzjonalista.

L-ewwel xahar
Iva nistieden lil kulħadd biex jiġi jżurna fid-Dar Ċentrali u jdur mal-operat tal-midja tagħna u tiltaqgħu mal-ġurnalisti u l-impjegati l-oħra tekniċi li ta’ kuljum jaħdmu biex iwasslu l-aqwa informazzjoni u servizzi.
F’dawn il-jiem għalaqna l-ewwel xahar minn meta Alex Borg ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista f’idejh. Nista’ ngħid li dan kien xahar mill-aktar impenjattiva f’kull sens. Ħidma ma taqta’ xejn li kompliet tkabbar il-momentum sabiħ li qegħdin ngħixu lkoll kemm aħna; momentum ta’ entużjażmu u enerġija.
Kienu erba’ ġimgħat ta’ aġġornamenti u tibdil mill-aktar importanti li fihom infushom ukoll qed ikomplu jqanqlu aktar enerġija u entużjażmu biex dan il-Partit jerġa’ jkun fit-tmun ta’ pajjiżna; pajjiżna li jixraqlu tmexxija serja u nadifa li tkun tagħti lill-poplu Malti u Għawdxi tama għall-futur.
Nassigurakom li qed naħdmu qatigħ biex mhux biss tassew inkunu gvern serju alternattiv, iżda meta jasal il-mument il-Partit Nazzjonalista jkun tassew ippreparat biex jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali – tiġi meta tiġi – ħalli jmexxi lil pajjiżna.
Inkun onest u ngħidilkom li rebħa hi diffiċli iżda daqstant ieħor ninsab konvint li bis-sehem u l-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna din ir-rebħa mhix impossibbli li ssir realtà.
Huma diversi l-fatturi li juru dan kollu… fosthom ukoll l-għatx tal-poplu għal tmexxija aħjar; għal tmexxija serja… il-poplu hu mxabba’ bil-mod arroganti li bih qiegħed imexxi l-Gvern ta’ Robert Abela li qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter għaliex għandu ħafna x’jitlef.
Nassigurakom li din il-ħidma li wettaqna f’dan ix-xahar li għadda se tkompli għaddejja wkoll fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin.

Żewġ surveys importanti
Fil-jiem li għaddew kellna wkoll l-eżitu ta’ żewġ surveys li saru; surveys li jimlewna tama għaliex juruna li ninsabu fit-triq it-tajba; fit-triq li twassalna biex inkomplu nissaħħu ħalli nirbħu l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
Fihom infushom dawn is-surveys jinkoraġġuna biex fuq kollox inkomplu nirsistu u naħdmu qatigħ. Juruna wkoll li l-gap ta’ fiduċja bejn iż-żewġ Partiti naqset ħafna u wkoll li anki l-gap ta’ fiduċja bejn il-Mexxejja naqset ħafna wkoll.
Mexjin fit-triq it-tajba. Ejjew nibqgħu moħħna hemm u nibqgħu naħdmu qatigħ. B’kuraġġ u b’umiltà imma b’mod effettiv u b’saqajna mal-art. Ħidma li trid tkun waħda impenjattiva u b’determinazzjoni biex nagħtu lil pajjiżna u lill-poplu Malti u Għawdxi dak li tassew jixirqilhom. Impenn li jrid ikompli jsir b’mod kollettiv.

Kunsill Ġenerali
Fi tmiem il-ġimgħa li ġejja l-Partit Nazzjonalista se jlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali Amministrattiv tiegħu. L-ewwel sessjoni ssir nhar il-Ġimgħa li ġej biex imbagħad il-Ħadd ikollna l-għeluq mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg.
Dan hu Kunsill Ġenerali importanti u ninsisti li fih innifsu hu wkoll okkażjoni tad-deheb biex inkomplu nitjiebu u nissaħħu u dan kollu biex tassew inkunu ffukati fuq il-bżonnijiet tan-nies ħalli nkunu fl-aqwa pożizzjoni li nindirizzaw dawn il-bżonnijiet tan-nies skont il-ħtiġiet tagħhom.
Hu imperattiv li nisimgħu lin-nies u li nifhmu dak li jixtiequ u x’inhi l-karba tagħhom ħalli hekk inkunu ferm aktar ippreparati ħalli nindirizzaw ix-xewqat tan-nies; xewqat li fihom infushom itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies… sia jekk tfal, sia jekk żgħażagħ, sia jekk adulti u sia jekk anzjani.
Irridu nagħmlu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna u f’kull deċiżjoni naraw li din tkun ibbażata fuq il-veru interessi taċ-ċittadini.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Otttubru, 2025.